UEL K/F: Vantaġġ għal Man Utd, Roma u Villarreal

Meta ntlagħab l-ewwel leg tal-kwarti-finali tal-UEFA Europa League, Manchester United, Villarreal u Roma kisbu rebħa barra minn darhom filwaqt li Arsenal  ġew miżmuma fl-Emirates Stadium.

Manchester United marru għand Granada u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0 b’goals minn Marcus Rashford (31) u Bruno Fernandes (92 pen). 

Minkejja li r-Red Devils kienu l-aħjar team, l-Ispanjoli kellhom il-mumenti tagħhom meta anke laqtu l-lasta minn Yangel Herrera.

F’partita bilanċjata, Roma għelbu lil Ajax 2-1.

Kien Davy Klaassen (39) li fetaħ l-iskor għal Ajax biex fit-53 minuta huma setgħu rduppjaw meta ngħa­taw penalty.

Iżda mill-11-il metru, Dusan Tadic ra x-xutt tiegħu jiġi milqugħ mill-goalkeeper, Pau Lopez.

Ta’ dan in-nuqqas, l- Olandiżi pattew qares għax Roma skorjaw darbtejn minn Lorenzo Pellegrini (57) u Roger Ibanez (87) biex issa huma favoriti li jgħaddu għas-semi-finali.

Villarreal kisbu rebħa taj­ba meta, barra minn darhom, għelbu lil Dinamo Zagreb bl-iskor ta’ 1-0, bl-uniku goal jasal minn penalty ta’ Gerard Moreno (44).

Arsenal ospitaw lil Slavia Prague  u ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1. Kien Nicolas Pepe (86) li fetaħ l-iskor għal Gunners iżda Tomas Holes (93) kiseb id-draw għaċ-Ċeki.

Share With: