UCL: Paris St Germain b’vantaġġ tajjeb fuq Bayern Munich
Bayern Munich …………2
Paris St-Germain …..….3
F’partita li ntlagħbet taħt borra kontinwa, barra minn darhom Paris St-Germain għelbu liċ-champions renjanti, Bayern Munich, bl-iskor ta’ 3-2 biex huma favoriti li jgħaddu għas-semi-finali tal-UEFA Champions League meta, nhar it-Tlieta li ġej, jintlagħab it-tieni leg tal-kwarti-finali fil-Parc des Princes.
Wara li fit-tieni minuta Bayern ġew imċaħħda mil-lasta minn tentattiv ta’ Eric Choupo-Moting, il-Pariġini ma setgħux kellhom bidu aħjar hekk kif minuta wara huma fetħu l-iskor. Neymar żmarka għal kollox lil Kylian Mbappe li b’xutt fil-baxx għadda l-ballun minn bejn saqajn il-goalkeeper, Manuel Neuer, biex irreġistra l-20 goal tiegħu f’din il-kompetizzjoni.
Imbagħad, fit-28 minuta, it-team immexxi mill-coach Mauricio Pochettino rdoppja, meta l-cross insidjuż ta’ Neymar qata’ għal kollox lid-difiża avversarja biex Marquinhos ħareġ minn wara u waħdu quddiem Neuer ipplejsja l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Ir-reazzjoni ta’ Bayern kienet waħda mmedjata u, fis-37 minuta, huma naqsu l-marġni tal-iskor meta Eric Choupo-Moting ikkonkluda bir-ras mill-cross ta’ Benjamin Pavard.
Fit-tieni taqsima, il-Bavarjani ħarġu fuq l-offensiva u fis-60 minuta kisbu d-draw minn daqqa ta’ ras ta’ Thomas Muller. Iżda tmien minuti wara, Kylian Mbappe, reġa’ poġġa lit-team tiegħu fil-vantaġġ minkejja li kien issikkat minn Jerome Boateng, biex patta għaċ-ċans li falla ftit qabel.