AĠĠORNAT: Tnaqqis sinjifikanti fin-numru ta’ pazjenti fl-ITU

Skejjel primarji u childcare centers se jkunu qed jiftħu mill-ġdid minn nhar it-Tnejn 12 ta’ April. Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar it-tneħħija ta’ wħud mill-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-Covid-19 fil-komunità. Fl-istess waqt huwa qal li dawk il-ħwienet mhux essenzjali u restoranti se jkunu qed jitħallew jiftħu ġimgħa wara.

L-iskejjel medji se jkunu qed jilqgħu l-istudenti mill-ġdid minn nhar l-Erbgħa li ġej, bl-iskejjel sekondarji jilqgħu l-istudenti mis-16 ta’ April. mill-ġimgħa li ġejja se jkunu qed jerġgħu jibdew isiru operazzjonijiet meqjusin bħala mhux urġenti fl-Isptar Mater Dei, bil-knejjes jitħallew jiċċelebraw il-quddies mit-18 ta’ April.

Il-Prim Ministru Abela qal ukoll li se jkunu qed jitħallew jiżvolġu żjarat mill-ġdid fi djar tal-anzjani.

Fl-istess waqt huwa emfasizza li bars u restoranti għalissa se jkunu qed jinżammu magħluqin, bl-istess ħaġa tibqa’ tapplika wkoll għaż-żwiġijiet, bid-data tal-1 ta’ Ġunju indikata bħala dik fejn possibbilment jistgħu jerġgħu jibdew jiżvolġu.

Tenna li mis-26 ta’ April ir-regola li tillimita gruppi għal żewġ persuni se tkun qed titneħħa, bi gruppi sa massimu ta’ erba’ persuni jitħallew jiltaqgħu.

Il-Prim Ministru Abela emfasizza li filwaqt li se jkunu qed jiġu rilaxxati wħud mill-miżuri, dawn jistgħu jerġgħu jiddaħħlu fis-seħħ f’każ li n-numru ta’ każi ġodda jerġa’ jibda jiżdied.

Huwa qal li l-pjan ta’ ftuħ mill-ġdid huwa bbażat fuq parametri li jinkludu numru iżgħar ta’ każi tal-virus, tnaqqis fin-numru ta’ pazjenti fl-isptar, u żieda fir-rata ta’ vaċċinazzjoni.

Huwa qal ukoll li l-vawċers intiżi biex jistimulaw l-ekonomija se jkunu qed jitqassmu ladarba l-ħwienet u s-servizzi kollha se jkunu qed jiftħu mill-ġdid.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne emfasizza r-rata għolja ta’ vaċċinazzjoni ta’ Malta, bi 42% tal-adulti jirċievu mill-inqas doża waħda tal-vaċċin.

Tenna li n-numru ta’ pazjenti fl-isptar naqas sinjifikament, bil-pazjenti fl-Isptar Mater Dei sal-bieraħ jammonta għal 41. Dan meta sa nofs Marzu l-medja ta’ kuljum kienet tlaħħaq il-140 pazjent.

Qal li l-istess tnaqqis kien reġistrat fin-numru ta’ pazjenti li kienu qed jirċievu kura intensiva, bin-numru jinżlu minn massimu ta’ 31 pazjent f’Marzu għal tmien każi lbieraħ.

Il-bidliet fil-miżuri marbuta mal-COVID-19:

Mit-Tnejn 12 ta’ April

•           Jiftħu ċ-ċentri tac-childcare u l-kindergarten

•           Jiftħu l-iskejjel primarji

•           Ikomplu l-operazzjonijiet skedati fl-isptar Mater Dei

•           Jerġgħu jibdew iż-żjarat fid-djar tal-anzjani

Mill-Erbgħa 14 ta’ April

•           Jiftħu l-middle schools

Mill-Ġimgħa 16 ta’ April

•           Jiftħu l-iskejjel sekondarji

Mill-Ħadd 18 ta’ April

•           Terġa’ tibda ssir il-quddies

Mit-Tnejn 26 ta’ April

•           Jiftħu l-ħwienet meqjusa mhux essenzjali

•           Jibdew jingħataw is-servizzi meqjusa mhux essenzjali

•           Se jkun permess grupp ta’ 4 persuni fil-pubbliku

Share With: