Tittella’ inizjattiva “Bukkun mill-Qalb” nhar Sibt il-Għid

Inizjattiva ferm ħelwa u interessanti bl-isem ta’ Bukkun mill-Qalb saret nhar Sibt il-Għid. Din l-inizjattiva b’għan nobbli tmmexxiet mill-Avukat Chris Bonett, li wara karriera fl-amministrazzjoni sportiva issa ser jgħaddi għall-ħajja politika bħala kandidat f’isem il-Partit Laburista għar-raba’ distrett li jinkludi parti mill-Fgura, il-Gudja, Paola, Santa Luċija u Ħal Tarxien.

L-objettiv ta’ Bukkun mill-Qalb kien li jitqassmu numru sabiħ ta’ ikliet lil familji f’Raħal Ġdid, Ħal Tar­xien u Santa Luċija li bħalissa għaddejin minn mument finanzjarju diffiċli. Dawn l-ikliet, li nġabru mill-Avukat Bonett u t-team tiegħu min-numru ta’ ristoranti lokali, tqassmu l-bieraħ mill-kappillan ta’ Ħal Tarxien, Dun Chris Ellul, l-Arċipriet ta’ Raħal Ġdid, Dun Marc André Camilleri u mill-Kappillan ta’ Santa Lucia, Dun Joe Mizzi.

L-idea oriġinali ta’ din l-attivitá hi dik li tagħti nifs lil għadd ta’ familji li għaddejin minn tbatija, li fl-aħħar sena kibret minħabba l-pandemija Covid-19. Fil-fatt il-coronavirus esponiet aktar l-pjaga tal-faqar u realtajiet oħra li żiedet it-tbatija għal għadd ta’ persuni. Dan il-kunċett proprju inħoloq biex jgħin lil dawn l-individwi sabiex minkejja kollox iqattgħu il-ġurnata tal-Għid il-Kbir bl-aqwa mod possibbli.

L-Avukat Bonett qal li ladarba daħal fil-ħajja pubblika, se jkun qed jagħmel minn kollox sabiex jikkontribwixxi għall-ġid tal-komunitá u fuq kollox li jressaq flimkien faxex diffe­renti tas-soċjetá għal għan komuni.

“Minn dejjem kienet il-filosofija tiegħi li ngħin lil ħaddieħor għax inħossha parti minni speċjalment meta nara u nisma’ b’ċerta tbatija ta’ familji u nies oħra f’pajjiżna,” huwa qal.

Kien għalhekk li hu tkellem mas-sidien tar-ristoranti li bħalissa jinsabu magħluqin sabiex jgħinu f’din l-inizjattiva u jagħtu numru ta’ ikliet għal dawk il-persuni inqas ixxurtjati.

“Huwa għalhekk li kellimt lill- Kappillani u l-Arċiprieti tal-lokalitajiet tar-raba’ distrett sabiex flimkien noħolqu l-ġid u ninsab kburi li l-għan aħħari ntlaħaq diġá.”

Filfatt diversi ħwienet tal-ikel u anke ristoranti mill-ewwel aċċettaw li jagħtu l-għajnuna żgħira tagħhom li minkejja kollox tiswa’ ħafna għal min bħalissa qed jesperjenza xi forma ta’ faqar.

“Nixtiequ li l-Għid il-Kbir kemm jista’ jkun normali għal kulħadd, anke għal dawk li b’xi mod qed ibatu fis-silenzju. Għalhekk aċċertajna ruħna li għallinqas jkollhom ikla suret in-nies.”

“Ir-rispons li kellna għal din l-inizjattiva kien xi ħaġa mill-isbaħ. Diversi ristoranti aċċettaw it-talba tagħna mill-ewwel u minn hawn nixtieq nirringrazzjahom minkejja ż-żmien ta’ sfida li għaddejjin minnu.”

L-Avukat Bonett qal li persważ li dawn l-istabbilimenti tal-ikel ma jdumux ma jerġgħu jiġu fuq saqajhom sabiex fil-futur qrib jerġgħu jibdew joperaw kif kienu qabel ma bdiet din il-pandemija.

Huwa tenna li Bukkun mill-Qalb huwa proġett pilota li jekk ikun ta’ suċċess, kif diġá jidher li se jintwera fl-ewwel edizzjoni tiegħu, jista’ jiġi estiż għal-lokalitajiet oħra.

L-Avukat Bonett qal li minkejja li l-ekonomija f’Malta laħqet l-aqwa possibbli f’dawn l-aħħar snin, xorta se jibqa’ faxex tas-soċjetá li b’xorti ħażina jesperjenzaw il-faqar.

“Ninsab kburi li se nkun qed nikkontesta f’isem il-Partit Laburista, li minn dejjem kellu għal qalbu l-familji Maltin u Għawdxin u anke fi żmien din il-pandemija ħaseb għalihom bil­li ħareġ il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika speċjalment f’mument daqshekk delikat. Dawn l-għajnuniet ħadmu sew u qed jibbenefikaw minn­hom diversi familji li jbatu fis-silenzju.”

Huwa sostna li l-Gvern qed sew jerfa’ l-piż hu milli jħalli lill-familji Maltin u Għawdxin jagħmlu dan huma stess. Il-valuri tal-Partit Laburista dejjem kienu li jagħti ħajja diċenti lil dawn in-nies minħabba li l-poplu, partikolarment dak milqut minn problemi soċjali, jimmeritah l-għajnuna ta’ dawk li finanzjarjament huma aktar stabbli. Dan il-partit minn dejjem kien kapaċi jħoss il-polz tal-poplu Malti speċjalment b’diversi miżuri li ħoloq.

L-Avukat Bonett tkellem dwar il-filosofija tiegħu li jgħaqqad lil diversi setturi tas-soċjetá flimkien għax dan il-kunċett jgħin aktar sabiex il-politika tirnexxi.

“Min jafni bħala persuna, jaf li jien anke meta kont involut fil-football togħġobni ħafna l-għaqda. Fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa.”

Huwa qal li sa minn meta kien għadu żagħżugħ kien jinvolvi ruħu f’diversi inizjattivi fosthom il-maratona tal-volleyball tal-Kerygma. Din hi xi ħaġa li dejjem għamel bil-qalb għax is-sodisfazzjon li tgħin milli tieħu hu ferm kbir.

Għal Bukkun mill-Qalb Bonett sostna li sab għajnuna kbira mingħand l-Arċiprieti u l-Kappillani tal-lokalitajiet tar-raba’ distrett li wrew entużjażmu li jkunu parteċipi fiha. Hawn kellu kliem ta’ tifħir lejn dawn l-individwi.

“Ħadt pjaċir niltaqa’ ma’ dawn l-Arċiprieti u l-Kappillani li kollha wrew interess u li għandhom f’qalbhom il-missjoni tal-kuxjenza soċjali. Huma mhux biss kapijiet tal-Knisja tagħhom iżda wkoll persuni ġenwini li jgħinu f’dak li hemm bżonn. Huma għandhom qalb kbira u mill-ewwel qaluli iva għal din l-inizjattiva.”

Huwa tenna li l-pjan hu li dawn il-proġetti ma jibqgħux biss pilota iżda jsiru b’mod frekwenti biex itaffu ftit mill-piżijiet li ċerti familji qed jesperjenzaw.

Finalment l-Avukat Bonett kellu appell ġenwin għall-kostitwenti tiegħu li jinsabu fir-raba’ distrett.

“Nixtieq ngħid lill-kostitwenti tiegħi biex jagħmlu kuraġġ. Nixtieq inwassal messaġġ ta’ tama. Importanti li flimkien nikkolaboraw mal-Awto­ritajiet tas-Saħħa u dawk kollha nvoluti biex sa fl-aħħar nerġgħu nibdew ngħixu stil ta’ ħajja normali.”

Share With: