Titnieda kampanja nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima

minn Anthea Cachia

Pajjiżna jinsab f’żona ta’ riskju għall-impatti kkawżati mit-tibdil fil-klima u jeħtieġ azzjonijiet iktar ambizzjużi u bidla kollettiva. Din mhix sempliċiment kampanja ta’ għarfien imma sejħa għall-bżonn ta’ bidla lejn ħajja iktar sostenibbli. Hemm bżonn ta’ bidla tanġibbli għal ħajja aħjar, għal kulħadd,  qal il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt it-tnedija tal-ewwel kampanja nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, #ClimateOn. 

“Permezz ta’ din il-kampanja rridu nimxu lejn soċjetà iktar ippreparata, reżiljenti u kapaċi tadatta għall-kundizzjonijiet irriversibbli li qed iġib miegħu t-tibdil fil-klima. Dan se jsir permezz ta’ diversi seminars, workshops, youth programmes u outreach mal-pubbliku”.

Il-ministru spjega li l-għan ewlieni tal-kampanja ser ikun li tinforma lill-pubbliku u tifrex informazzjoni neċessarja dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-irwol ta’ kull individwu biex dawn jiġu indirizzati. 

Il-kampanja ser tħeġġeġ ukoll inizjattivi u proġetti li jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet li jwasslu għal inqas tniġġis, inqas theddid għas-saħħa tal-bniedem, inqas impatt fuq l-ambjent u l-qerda tal-bijodiversità kif ukoll iktar azzjonijiet li jsaħħu s-settur ekonomiku.

Fis-sena 2019, il-Gvern Malti ddikjara l-kriżi tat-tibdil fil-klima bħala emerġenza nazzjonali.  

“Fil-fatt, it-tibdil fil-klima huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar kriżijiet ambjentali globali ta’ dawn iz-żminijiet, fejn id-dinja qed tesperjenza diversi avvenimenti iktar frekwenti ta’ temp estrem, riskji għas-saħħa u riperkussjonijiet ekonomiċi. Il-gvern qed itejjeb l-azzjoni u jżid l-ambizzjoni tiegħu sabiex jitnaqqsu l-impatti. Madanakollu, id-diversi miżuri li qed jieħu l-gvern mhumiex biżżejjed waħidhom. Iċ-cittadini, in-negozji, l-industrija u l-gruppi soċjali kollha għandhom is-sehem tagħhom x’jagħtu. Għalhekk, din il-kampanja ser toffri pjattaforma biex tħeġġeġ il-bidla neċessarja mas-setturi kollha biex flimkien jiġbdu ħabel wieħed. Dan jista’ jsir b’ħidma sħiħa għal tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u rinnovabbli u lejn għażliet iktar għaqlin mill-konsumatur”, qal il-ministru. 

Il-kampanja #ClimateOn qed tkun meqjusa katalista f’dan ir-rigward. Fil-fatt, diġà bdew diversi ħidmiet u kollaborazzjonijiet ma’ setturi varji, fosthom is-settur pubbliku, is-settur privat, is-settur industrijali u s-settur tal-edukazzjoni. #ClimateOn se tkun qed tikkumplimenta l-pjan strateġiku tal-gvern lejn ekonomija b’żero karbonju, azzjonijiet ta’ mitigazzjoni, afforestazzjoni, spazji miftuħa u skemi għall-industrija. 

Share With: