Sitt xhur ħabs wara li għamilha ta’ investigatur privat mingħajr liċenzja

Alfred Attard ta’ 51 sena minn San Pawl il-Baħar kien ikkundannat sitt xhur ħabs effettivi wara li nstab ħati li għamilha ta’ investigatur privat mingħajr ma kellu liċenzja billi segwa l-passi ta’ avukat u klijenta tiegħu.

Attard kien mixli li wettaq dan ir-reat bejn il-11 u l-15 ta’ Settembru 2017 f’diversi nħawi f’Għawdex u li ta fastidju lill-Avukat Dr Kevin Mompalao jew il-familja tiegħu. 

Il-każ kellu l-bidu tiegħu wara kwerela li ntbagħtet minn Dr Mompalao fejn talab li jiġu investigati Victor Paul Borg u l-imputat Attard, wara li dan tal-aħħar għamilha ta’ investigatur privat u anke li bl-imġiba tiegħu kien tah fastidju.

Minn stħarriġ li sar irriżulta li l-imputat kien ġie mqabbad minn Borg sabiex isegwi l-movimenti tal-eks mara tal-istess Borg. Mill-istħarriġ li għamel Attard kien irriżulta li hija kienet qiegħda tkun għal ammont ta’ ħin fir-residenza tal-Avukat. Il-mara kienet tmur id-dar tal-Avukat biex tgħin lil martu peress li din kienet tqila. 

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joseph Mifsud qal li hi tal-mistħija li hawn min iwettaq ħwejjeġ bħal dawn u jisfrutta l-vulnerabbiltà ta’ dawk li jkunu ddisprati biex jiksbu tagħrif minħabba s-sitwazzjoni li jispiċċaw fiha. 

“Il-Qorti ma taċċettax dan l-aġir moqżież li persuna tilħaq il-passi ta’ ħaddieħor, tinvadi l-privatezza tal-persuna, issegwi u saħansitra tiffilmja u tieħu ritratti tal-movimenti tagħha. Il-Qorti ma tistax ma taġixxix u tħalli ħwejjeg bħal dawn iseħħu meta l-leġislatur kien tant għaqli li jilleġisla biex ħadd ma jkun ’il fuq mil-liġi. Każ ta’ spjunaġġ fuq persuni fil-kwiet ta’ darhom jew f’postijiet oħra mhux aċċettabbli,” tenna l-Maġistrat Mifsud.

Waqt li kkundanna lil Attard għal sitt xhur ħabs, il-Maġistrat Mifsud ħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-Avukat u l-klijenta tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri. 

Share With: