S’issa aktar minn tliet miljun persuna tilfu ħajjithom kawża tal-pandemija

In-numru globali ta’ fatalitajiet kawża tal-Covid-19 issa qabeż it-tliet miljuni, bl-aħħar miljun jiġu rreġistrati fi tliet xhur biss. Dejta ppubblikata minn Reuters turi li d-dinja damet iktar minn sena biex esperjenzat żewġ miljun mewt kawża ta’ dan il-virus, iżda ħadet biss tliet xhur biex laħqet it-tliet miljuni.

Dan l-ammont kbir ta’ mwiet seħħ minħabba żieda sostanzjali fl-infezzjonijiet speċjalment fil-Brażil u l-Indja u dan minkejja l-isforzi globali li qed isiru dwar it-tilqim. 

Min-naħa tagħhom, għadd ta’ esperti tas-saħħa qed jgħidu li l-kawża ta’ din iż-żieda kbira ta’ mwiet huma l-varjanti li kienu nstabu fir-Renju Unit u l-Afrika t’Isfel, flimkien mal-għejja tal-lockdown li qegħdin iħossu l-popli kollha madwar id-dinja. 

Fil-preżent il-Brażil jinsab fuq quddiem nett fin-numri ta’ mwiet irreġistrati fejn l-istatistika qiegħda turi li wieħed minn kull erbgħa li jmutu huma ċittadini Brażiljani. L-Għaqda Dinjija tas- Saħħa qiegħda tirrikonoxxi li s-sitwazzjoni preżenti ġewwa l-Brażil hija waħda preokkupanti immens fejn qalet dan il-pajjiż jinsab fi stat kritiku għax is-sistema tas-saħħa tinsab f’xifer ta’ kollass.. 

L-Indja qiegħda tesperjenza wkoll żidiet rekord din id-darba fir-rati ta’ infezzjonijiet mill-Covid-19 fejn nhar it-Tnejn li għadda dan il-pajjiż sar it-tieni wieħed – wara l-Istati Uniti – li rreġistra 100,000 infezzjoni f’24 siegħa. L-iktar stat affettwat ġewwa l-Indja huwa Maharashtra fejn hemmhekk ukoll l-isptarijiet jinsabu f’xifer ta’ kollass. 

Jekk tieħu r-reġjun Ewropew kollu, li fih 51 pajjiż, issib li hemm l-ikbar numru ta’ mwiet kawża tal-virus b’total ta’ 1.1 miljun. Ħames pajjiżi Ewropej, li huma r-Renju Unit, ir-Russja, Franza, l-Italja u l-Ġermanja flimkien jagħmlu 60% tal-imwiet totali tal-Covid-19. L-Istati Uniti għandha l-ikbar ammont ta’ mwiet fid-dinja b’total ta’ 555,000 li huwa total ta’ 19% tal-persuni li mietu fid-dinja kawża tal-virus.

Share With: