“Sibt midja irresponsabbli li vvintat u xerrdet minn kollox biex toskurani”

Tikteb il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana

“Tliet ġimgħat ilu madwar id-dinja ġie mfakkar Jum il-Mara u l-midja – anki dik lokali – kienet mimlija eloġji fuq sehem il-mara fis-soċjetà. Mill-perspettiva ta’ mara, dak il-kliem kollu għandu valur ferm relattiv, għax l-ugwaljanza tal-ġeneru ma jiddependix mill-kliem sabiħ, imma mill-azzjoni u mil-fatti. Ir-retorika rħisa u faċli biex tinkiteb.  L-esperjenza għallmitni kemm verament bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. Għal iktar minn nofs ħajti kont involuta fil-ħajja politika u mill-bidu fhimt li kellha tkun sfida li rrid nnikkumbatti u negħleb. Is-suċċess jiġi mid-determinazzjoni kontinwa li iktar ma tkun ta’ prova iktar issaħħaħni.  Hija l-ħidma tajba li ssib ostakoli, imma kull ostakolu li negħleb iktar naqdef ‘il quddiem. Iffaċjajt u rbaħt fuq attakki personali u anke ġuramenti foloz anke fil-Parlament u meta ħsibt li ma fadalx fejn jaslu aktar dawk li jridu jwaqqfuni, sibt midja irresponsabbli li vvintat u xerrdet minn kollox biex toskurani.  Komplew juru kemm hi tassew sfida għal mara u omm li tissokta fil-ħidma politika” tiddikjara il-Ministru

Tan-nies u man-nies – dejjem

L-andament b’saħħtu ta’ pajjiz demokratiku bħal taghna, huwa mibni fuq sens ta’ djalogu ġenwin bejn il-Gvern li jisma’ u jagħti widen u l-imsieħba soċjali li jistgħu jitkellmu ċar għax jafu fejn qegħdin ma’ dan il-Gvern.  Flimkien ikollna stampa aħjar ta’ dak li jkun għaddej minnu l-pajjiż u nifhmu aħjar dak li qed iħossu n-nies u għalhekk nistgħu nippjanaw u nintervjenu bil-qies u fil-pront.  Hekk sar tul tmien snin ta’ Gvern Laburista u wisq iktar tul il-pandemija li qalbet ta’ taħt fuq i-ħajja soċjali u ekonomika tad-dinja kollha.  

Fis-sitwazzjoni attwali naġixxu kontinwament b’deċiżjonijiet ibsin u kuraġġużi, ibbażati dejjem fuq fatti xjentifiċi u pariri tal-esperti.  Infittxu bilanċ bejn il-ħarsien tas-saħħa u l-protezzjoni tal-għixien, tal-impjiegi u tal-andament ekonomiku tal-familji u tal-pajjiż.  

ĊARI U ĠENWINI

Diskussjonijiet ġenwini jinbnew fuq l-esperjenzi tan-naħat kollha fi ħdan is-soċjetà u f’sezzjonijiet speċifiċi tagħha. Din għodda importanti biex il-gvern, li hu elett biex imexxi, janalizza s-sitwazzjoni u jasal għal tiġdid jew tibdil f’oqsma differenti.  Irridu nindirizzaw il-bżonnijiet attwali li n-nies jgħixu ta’ kuljum. Fattur indispensabbli huwa s-sens ġenwin ta’ djalogu fejn kulħadd jitkellem bil-libertà kif jara l-affarijiet u l-effett ta’ kull deċiżjoni.    

Fl-aħħar tmien snin in-nies kollha messew b’idejhom li aħna tassew Gvern li jisma’. Għalhekk Malta u Għawdex imxew minn suċċess għall-ieħor u għalhekk afdawna darba wara l-oħra.  Min jgħid mod ieħor għax ikollu agenda oħra. Agenda bħal din hi kundannabbli fi żminijiet normali, imma issa ssir perikoluża ħafna waqt il-pandemija, meta kull min hu serju u responsabbli jaf li rridu naħdmu bħala nazzjon sħiħ, bħala Tim Malta!

BIEB DEJJEM MIFTUĦ

L-impenn li nisimgħu u nikkonsultaw huwa l-bażi tar-riformi kbar li wettaqna mill-2013.  Dan huwa Gvern li għandu mandat ċarissimu li jimplimenta l-manifest elettorali magħżul minn maġġoranzi storiċi. Imma kif qiegħed jiġri issa matul il-pandemija, dan gvern li għandu wkoll il-kuraġġ li jemenda u jtejjeb kull fejn ikun meħtieġ. Qatt ma ppretendejna li aħna perfetti, għalhekk disposti li nisimgħu kritika ġusta li titressaq fejn u kif għandha titressaq, bi proposti serji u bbażati fuq il-fatti. 

Għamiltha dejjem ċara li l-bieb tiegħi dejjem miftuħ biex nisma’ u nalloka ħinijiet twal biex, anki b’mod virtwali, nisma’ u niddiskuti ma’ kulħadd u kulfejn ikun possibbli, fil-parametri kollha tar-restruzzjonijiet, immur personalment biex nara b’għajnejja.  Fis-settur tal-edukazzjoni hemm diversi stake-holders, inklużi l-edukaturi u l-LSEs, il-ġenituri, l-istudenti nfushom, l-NGOs, employers, social workers u tant nies oħra involuti.  Gvern tan-nies jaħdem għan-nies u man-nies kollha li huma ġenwini f’dak li jridu jipproponu biex naħdmu aħjar għall-ġid ta’ wliedna – li huma ċ-ċentru tal-ħidma kollha tal-Ministeru li mmexxi.  

BEJN KLIEM U FATTI

Appena tliet ġimgħat ilu madwar id-dinja ġie mfakkar Jum il-Mara u l-midja – anki dik lokali – kienet mimlija eloġji fuq sehem il-mara fis-soċjetà.   Mill-perspettiva ta’ mara, dak il-kliem kollu għandu valur ferm relattiv, għax l-ugwaljanza tal-ġeneru ma jiddependix mill-kliem sabiħ, imma mill-azzjoni u mil-fatti.   Ir-retorika rħisa u faċli biex tinkiteb.  L-esperjenza għallmitni kemm verament bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.  Aħna l-Għawdxin dan ilna nafuh u dejjem għelibnih!

Għal iktar minn nofs ħajti kont involuta fil-ħajja politika u mill-bidu fhimt li kellha tkun sfida li rrid nnikkumbatti u negħleb. Is-suċċess jiġi mid-determinazzjoni kontinwa li iktar ma tkun ta’ prova iktar issaħħaħni.  Hija l-ħidma tajba li ssib ostakoli, imma kull ostakolu li negħleb iktar naqdef ‘il quddiem. Iffaċjajt u rbaħt fuq attakki personali u anke ġuramenti foloz anke fil-Parlament u meta ħsibt li ma fadalx fejn jaslu aktar dawk li jridu jwaqqfuni, sibt midja irresponsabbli li vvintat u xerrdet minn kollox biex toskurani.  Komplew juru kemm hi tassew sfida għal mara u omm li tissokta fil-ħidma politika.  

IL-ĦIDMA TEGĦLEB KOLLOX

Ir-risposta hija aktar xogħol biex inkompli nikkonferma li l-kliem malinn u d-diċeriji foloz lili jagħtuni forza naħdem iktar u nagħraf aħjar lil min irid ifixkel.  Kif għidt dwar il-kliem ħelu f’Jum il-Mara, illum ukoll. tliet ġimgħat wara, huma l-fatti li jgħoddu. 

Iktar minn qatt qabel inħossni kburija li naħdem f’isem il-Gvern Laburista, Gvern tan-nies u għan-nies. U għal dan nirringrazzja lill-eluf minn kull settur tal-poplu li jkomplu japprezzaw u juru fiduċja fil-ħidma tiegħi.

L-għid it-Tajjeb lil kulħadd!

Share With: