Servizz ta’ fast-ferry bejn Għawdex u l-Belt Valletta minn Ġunju

Gozo Fast Ferry Ltd ħabbret li minn Ġunju se tibda topera servizz ta’ fast-ferry bejn Għawdex u l-Belt Valletta. Biex tagħmel dan, se jintużaw żewġ dgħajjes tal-passiġġieri mill-aktar avvanzati tant li huma meqjusa bħala ‘state of the art’.

Il-kumpanija, appoġġjata minn Bianchi Group u Merrill Investments, innotifikat lil Transport Malta bl-intenzjoni tagħha li toffri dan is-servizz wara li s-suq ġie liberalizzat.

Fi stqarrija hija qalet li l-kumpanija investiet f’żewġ katamarani tal-passiġġieri moderni li mhux biss ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u b’veloċità għolja, iżda huma wkoll mgħammra bl-aħħar teknoloġija biex joperaw f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-Port Notice maħruġ minn Transport Malta.

Il-kumpanija spjegat li kull bastiment huwa kapaċi jġorr 300 passiġġier kull vjaġġ. Spjegat ukoll li l-bastiment jista’ jagħmel il-vjaġġ bejn l-Imġarr, Għawdex, sal-Port il-Kbir fil-Belt Valletta f’inqas minn 45 minuta.

Il-kumpanija qalet li qed tikkollabora mal-Malta Public Transport biex tassigura li l-klijenti, inkluż dawk li għandhom Tallinja Card, jiġu offruti vjaġġ bla xkiel u veloċi.

Il-passiġġieri jistgħu jħallsu għall-vjaġġ tagħhom anke permezz ta’ karti tal-bank contactless, permezz tal-mobile u anke smart watches biex jiġi assigurat imbark u nżul li ma jieħux ħafna ħin. Id-dettalji dwar l-iskedi u l-prezz se jitħabbru aktar ‘il quddiem

Share With: