“Se nirxuxtaw mill-pandemija, anke ekonomikament”

kif tgħaddi l-pandemija, l-Ewropa u d-dinja se jsibu fina pajjiż armat bl-ideat ta’ fejn irridu mmorru u kif se naslu” – Silvio Schembri, Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija

Hekk kif il-Knisja Kattolika madwar id-dinja qed tiċċelebra l-qawmien u t-tama li huma simbolizzati fiċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-Għid il-Kbir, il-Ministru għall-Eknomija Maltija, Silvio Schembri tkellem dwar kif il-pajjiż, b’mod partikolari mill-ambitu ekonomiku qed jaħdem sabiex jirxoxta mill-pandemija. 

Schembri jgħid li fil-ħajja xejn ma jiġi waħdu, lanqas it-tama u t-tiġdid. Dawn jeħtieġu ħidma iffukata, kollettiva u reżiljenti u xi kultant anke sagrifiċċju. Isemmi kif is-sagrifiċċju li ġew mitluba mill-poplu sabiex tiġi ikkontrollata l-imxija tal-pandemija qed iwasslu għal riżultati.  Għaldaqstant, għandna għalxiex inħarsu ‘l quddiem b’tama u kuraġġ. Isemmi kif bħala Gvern, mill-ewwel ġurnata tal-pandemija sa issa, ħa l-miżuri kollha neċessajri biex jipproteġi mhux biss is-saħħa imma anke l-għixien tan-nies. 

Sostenn għan-negozji, s-self-employed u l-ħaddiema

Innota kif għalhekk, il-Gvern kien ħabbar l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika biex ikun ta’ sostenn għan-negozji, isalva l-impjiegi tal-ħaddiema u jżomm ir-rota ekonomika ta’ pajjiż għaddejja. Iżjed minn sena wara, il-frott tal-miżuri għan-negozji, s-self-employed u l-ħaddiema, qed jinħassu. 

“Ma ħallejna lil ħadd waħdu s’issa u mhux ser inħallu. Qed ngħinu u ser tibqgħu issibuna ta’ spalla u ta’ għajnuna”, jisħaq Schembri. Hawn huwa ta’ ħarsa lejn żewġ miżuri ta’ assistenza finanzjarja, dawk tal-Covid wage supplement u d-differiment tat-taxxa, fejn bihom il-Gvern għen direttament lil dawk in-negozji u self-employed li kellhom jagħlqu b’mod temporanju, sabiex is-settur tan-negozju jkun jista’ jirriġenera u jinvesti fit-tkabbir tiegħu. 

Silvio Schembri jinnota kif l-istatistika turina li l-għajnuna diretta li ingħatat lin-negozji fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena ammontat għal €70 miljun. Fosthom, għajnuniet fil-ħlas tal-kirjiet, lis-sidien tan-negozji bdew jirċievu riċenti, b’għajnuna inizjali ta’ €5.5 miljun. Lil hinn mis-€70 miljun, l-għajnuna totali fuq il-kirjiet hija mistennija li tilħaq it-€12-il miljun.

Iżid, li jekk umbagħad inħarsu lejn il-Covid Wage Supplement għal protezzjoni tal-impjiegi naraw li l-Gvern approva xejn inqas minn €360 miljun f’għajnuna. Dan ifisser bejn wieħed u ieħor tlieta fil-mija tal-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna. Il-Gvern irnexxielu jsalva eluf kbar ta’ impjiegi, jiġifieri, l-introju finanzjarju tal-familji Maltin u Għawdxin. 

Schembri jgħid  kif il-politika li jaddotta l-Gvern hi waħda proattiva u li tħares ‘il quddiem. Kien għalhekk, li dan il-Gvern ħaseb sabiex il-Covid Wage Supplement jibqa’ jingħata sal-aħħar tas-sena. B’hekk il-Gvern se jkun qiegħed jagħti l-massimu tal-għajnuna lill-kumpaniji li jibqgħu jesperjenzaw l-aktar impatt negattiv fuq id-dħul tagħhom minħabba l-pandemija. 

Il-Ministru għall-Ekonomija Maltija jgħid kif kien permezz ta’ din il-miżura u skemi oħrajn fosthom dawk tal-vouchers, tat-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u tal-kirjiet tan-negozji, li fl-2020 pajjiżna żamm il-qgħad f’livell baxx.  Schembri jagħmel referenza għal statistika maħruġa, din il-ġimgħa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO. Jirriżulta li fi Frar li għadda, n-numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol kien ta’ 2,585 – 90 ruħ inqas mill-ewwel xahar tas-sena, meta n-numru ta’ nies qiegħda kien ta’ 2,675.  

Riżultati li jtuna kuraġġ, fis-settur tax-xogħol

Silvio Schembri jinnota li l-qgħad  f’pajjiżna ilu jonqos mix-xahar ta’ Ġunju wara li kienet laqtitna l-imxija u issa jinsab kważi fl-istess livell ta’ qabel faqqgħet il-pandemija. Dan ifisser li għad-disa’ xahar konsekuttiv naqas il-qgħad. “Dan ir-riżultat fis-settur tax-xogħol huwa wieħed inkoraġġanti b’mod partikolari meta wieħed jinnota kif filwaqt li f’pajjiżna n-nies jaħdmu full-time żdiedu b’1.2%, il-medja Ewropea rat tnaqqis ta’ 1.4%”, jgħid Schembri. 

Fi kliemu, l-Ministru jistqarr li għalih dan kollu ifisser ħaġa waħda, li bil-mod il-mod qed nirxoxtaw minn din il-pandemija. “Nemmen bis-sħiħ li l-poplu Malti huwa wieħed reżiljenti u qed jagħraf jadatta għal din is-sitwazzjoni, anka f’ dak li jagħmel u jonfoq. L-għaqal tal-Maltin qed jissarraf f’reżiljenza għaliex mill-ġid ekonomiku li ġġenera dan il-pajjiż, il-Malti dejjem ħaseb għal meta tagħmel ix-xita”, jistqarr l-Onor Schembri. 

F’kuntest iżjed wiesgħa huwa innota, kif f’parallel ma dan kollu, il-pajjiż għaddej bit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, fejn pajjiżna aġixxa fuq ir-rakkommandazzjonijiet tal-Moneyval u għada se jkun aħjar m’illum. 

Riżultati li jtuna kuraġġ, fl-għoti tal-vaċċin 

“Bħala l-Ministru responsabbli mill-Ekonomija u l-Industrija, ottimist li l-ekonomija daqt se terġa’ tibda tirpilja”, jgħid Schembri.  Huwa jsemmi  s-suċċess li qed niksbu fl-għoti tal-vaċċin u kif dan  iqawwilu qalbu. Filfatt fl-aħħar jiem rapporti indikaw li jekk tara r-rata ta’ tilqim ras imb’ras, f’Malta illum, din hija l-ogħla fid-dinja. 

Il-Ministru Schembri jisħaq li l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika tal-Gvern, għadu ċar u fis-seħħ. Fi kliem il-Ministru, “ir-rittmu ekonomiku jrid l-ewwel jirranka domestikament. Wara ngħaddu għat-tieni stadju, fejn fuq livell internazzjonali naraw progress. Dan wara li bosta pajjiżi Ewropej ikunu laqmu lil nishom u b’hekk tinħoloq sitwazzjoni ekwa ta’ immunita’ fuq livell Ewropew. Dan sabiex in-nies jerġa’ jkollhom is-serħan il-moħħ li jivjaġġaw u x-xogħol fil-qasam tat-turiżmu jerġa jibda jirkupra”. 

Iżid jgħid li “din kienet sena ta’ sfida għal kulħadd, u l-għejja tibda dieħla. Imma issa huwa importanti iżjed minn qatt qabel li ma naqtgħux qalbna. Din il-ġimgħa fakkarna l-festa ta’ Jum il-Ħelsien. Festa b’tema sinifikattiva, f’sena fejn propju kellna nissagrifikaw parti mil-liberta’ soċjali tagħna, sabiex inħarsu saħħitna. Iżda kif qal il-Prim Ministru Robert Abela, dan hu Gvern li ta’ kuljum, qed jibqa’ qrib in-nies u jgħin  fl-iċken affarijiet. B’hekk mhux biss qed nibqgħu nipprovdu għajxien aħjar lill-Maltin u l-Għawdxin, iżda kif tgħaddi l-pandemija, l-Ewropa u d-dinja se jsibu fina pajjiż armat bl-ideat ta’ fejn irridu mmorru”. 

Gvern b’ekonomija ta’ ġid għal kulħadd 

Fl-aħħar nett, il-Ministru jitkellem dwar dak li l-pajjiż għadda minnu fl-aħħar ġimgħat. Hawn huwa sostna li l-Partit Laburista fil-Gvern, kien dak li ta’ l-qawmien ekonomiku lil dan il-pajjiż. Gvern li ta’ l-qawmien lid-drittijiet ċivili, l-għajnuna soċjali u l-qawmien tax-xogħol. “Dan hu l-Gvern li ħoloq u għadu qed joħloq l-ekonomija ta’ ġid għal kulħadd. Ġid li tista’ taraħ u tħossu b’idejk f’bosta setturi fis-soċjeta’; mill-eradikazzjoni tal-faqar, it-tisħiħ fil-mobilità soċjali, it-tkabbir ta’ niċeċ ekononomiċi ġodda, ħolqien tal-impjiegi, għall-opportunitajiet tal-kummerċ għan-negozji madwar id-dinja”, jikkonkludi l-Ministru Schembri.

Share With: