Se jkunu mfakkra l-vittmi biex ma jibqgħux numru

Il-Gvern bi pjan li joħloq masġar ta’ tifkira għall-vittmi tal-Covid-19; Fearne: “Dan se jkun mafkar ħaj ta’ perjodu diffiċli fl-istorja ta’ pajjiżna”

Minn Claudio Coleiro

Fl-aħħar jiem, bint tkellmet ma’ dan is-sit dwar it-telfa li ġarrbet tal-għażiż missierha minħabba l-virus tal-Covid-19. F’dan il-mument tant diffiċli għaliha u għall-familja tagħha, hija ssuġġeriet li jkollna jum li fih infakkru l-memorja ta’ ħutna Maltin li ħallew din id-dinja minħabba l-Covid u jekk hu possibbli nnaqqxu isimhom ukoll biex “ma jibqgħux numru”. 

Fl-aħħar sigħat, kien hemm żvilupp importanti f’dan ir-rigward hekk kif il-Gvern ħabbar li għandu pjan biex joħloq masġar ta’ tifkira għall-vittmi tal-Covid-19. Kien id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li ħabbar dan fuq il-profil tiegħu ta’ Twitter, proprju f’għeluq l-ewwel sena mill-ewwel mewt kaġun tal-pandemija, 

F’kumment li ta lil dan is-sit, il-Ministru Fearne qal li tul dawn it-13-il xahar tal-pandemija kienu ħafna dawk li għamlu sagrifiċċji u li batew, f’kull qasam tas-soċjetà Maltija. Qal iżda li  bla dubju l-aktar li batew kienu l-persuni li mardu, li spiċċaw l-isptar u dawk li sfortunatament tilfu ħajjithom: huma u l-familjari tagħhom. 

Tenna li fl-ewwel sena mill-ewwel mewt relatata mal-Covid-19 fil-gżejjer tagħna, ikun xieraq li nsellmu l-memorja tagħhom billi tħabbar pjan ta’ masġar iddedikat lilhom. Huwa qal li aktar dettalji se jkunu mħabbra fil-jiem li ġejjin. 

“Dan se jkun mafkar ħaj ta’ perjodu diffiċli fl-istorja ta’ pajjiżna, perjodu li talab sagrifiċċji u impenn mill-Maltin u l-Għawdxin kollha,” temm jgħidilna d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.

B’kollox, f’pajjiżna tilfu ħajjithom 401 persuna minħabba l-pandemija, bl-aħħar vittma jkun raġel ta’ 76 sena li miet fl-Isptar Mater Dei.

Share With: