Se jħalli wirt imprezzabbli minkejja li kien fid-dell ta’ martu

Analiżi minn Ruben Briffa

Minkejja li mhuwiex ikkunsidrat bħala xi persunaġġ li xi azzjoni jew idea minn tiegħu influwenzat il-ħajja ta’ ħafna nies, il-mewt tal-Prinċep Filippu, id-Duka ta’ Edinburgh, xorta ddominat il-media internazzjonali. Kien hemm ħafna kummenti li dan il-bniedem, apparti li għex ħajja twila ħafna (f’Ġunju li ġej kien se jagħlaq 100 sena), kellu ħajja komda għall-aħħar. Kif sejrin naraw, dan żgur ma kienx il-każ, speċjalment fit-tfulija u l-adoloxxenza tiegħu.

Tfulija tal-biża’

Filipu twieled ġewwa l-Greċja fl-1921, il-ħames wild tal-Prinċep Grieg Indri, bin Ġorġ I, ir-Re tal-Greċja u l-Prinċipessa Alice ta’ Battenberg. Huwa kien l-uniku tifel tal-familja. Il-ħajja mill-ewwel bdiet tagħtih bil-ħarta meta l-familja tiegħu kellha taħrab mill-Greċja wara gwerra qalila mat-Turkija. Dik il-ħabta kien hemm mewġa qawwija kontra l-familji rjali Ewropej li kienu prattikament kollha jiġu minn xulxin. 

Din il-persekuzzjoni kontra l-irjali kienet laħqet il-qofol tagħha bil-qtil tal-Kzar Russu u l-familja tiegħu mill-Komunisti. Kien għalhekk li r-Re Ġorġ V tal-Ingilterra kien bagħat vapur Ingliż għall-familja ta’ Indri li kien kuġinuh, għaliex beża’ li kien sejjer imissu l-istess xorti tal-Kzar Nikola li kien kuġinuh ukoll.

Il-familja ta’ Fillippu bdiet tgħix ġewwa Franza imma l-ħajja kompliet tkun tassew kiefra magħhom għaliex fl-1930, l-omm, li diġa’ kellha ħajjitha ferm diffiċli minħabba li kienet truxa mit-twelid, ikkrollat psikoloġikament, tant li kellha tiddaħħal ġewwa sptar mentali fil- Ġermanja. Din il-povra mara kienet ilha minn meta tkeċċiet mill-Greċja turi sinjali ċari ta’ mard mentali, tant li kien hemm żmien li kienet taħseb li hija l-unika mara fid-dinja u li kienet miżżewġa lil Ġesù Kristu. 

Kien f’dan l-istadju li l-familja ta’ Filippu spiċċat fix-xejn. Missieru prattikament abbanduna lil martu u lil uliedu u mar jgħix ma’ mara oħra ġewwa Franza. Ħutu l-bniet kollha żżewġu f’temp ta’ ftit xhur u Fillippu, li dik il-ħabta kulma kellu kien biss tmien snin, mar jgħix l-Ingilterra mal-familja ta’ ommu. Wara ħames snin rikoverata fl-ispar mentali, ommu daħlet tgħix ħajja ta’ klawsura ġewwa kunvent Grieg.

Aktar traġedji u skandli

Ta’ min jgħid li l-membri tal-familja rjali oriġinarjament kellhom kunjomijiet Ġermaniżi. Minħabba s-sitwazzjoni politika ġewwa l-Ewropa, fejn l-Imperu Ingliż beda jkollu ħafna battibekki mal-Ġermanja, dawn il-kunjomijiet bdew inaqqsu ħafna mill-popolarità tal-familja rjali mal-poplu Ingliż. Fil-fatt, ftit qabel faqqet l- Ewwel Gwerra Dinjija, kien hemm sezzjoni tal-media xellugija li bdiet takkuża lill-familja rjali li kienet tissimpatizza mal-Ġermanja tal-Kaiser Wilhelm, li kien ukoll il-kuġin tar-Re Ingliż. Dan wassal sabiex il-membri tal-familja rjali bidlu l-kunjomijiet Ġermaniżi bħal dak li kellu r-Re Ġorġ V, jiġifieri Saxe-Coburg-Gotha, għal Windsor u l-fergħa tal-familja rjali li minnha ħarġet il-linja tal-Prinċep Filippu bidlu kunjomhom minn Battenberg għal Mountbatten.

Għalhekk wieħed jista’ jimmaġina xi skandlu nqala’ meta fil-bidu tas-snin tletin, waħda minn ħut Filippu, Cecilie, ssieħbet mal-Partit Nażista ta’ Adolph Hitler, wara li kienet izzewget nobbli Ġermaniż. Sfortunatament, Cecilia mietet fl-1937 fi traġedja tal-ajru. L-ispettru tal-assoċjazzjoni tal-familja ta’ Fillippu man-Nażismu ġiet immortalizzata appuntu fil-funeral ta’ Cecilie meta Fillippu u l-familja tiegħu dehru f’diversi ritratti mexjin wara l-korteo funebri fost folla tagħmel is-salut Nażista.

Il-laqgħa mar-Reġina

Filippu ltaqa’ mar-Reġina Eliżabetta, li bħalu kienet il-pro-neputija tar-Reġina Vittorja, fl-1939 meta ġie assenjat l-inkarigu li jdawwar lill-Prinċipessa Eliżabetta u lil oħtha Margerita fil-kulleġġ tal-ammiraljat minħabba li dik il-ħabta huwa kien daħal fin-navy fuq suġġeriment ta’ zijuh Phillip Mountbautten, li issa kien ħa l-irwol ta’ missier Filippu. 

Dak iż-żmien, Eliżabetta kellha biss 13-il sena imma jidher li mill-ewwel iġġennet fuq Filippu li dik il-ħabta kellu 18-il sena. Però, jidher li Eliżabetta kellha tistenna sal-1943 sakemm bdiet l-għerusija tagħha ma’ Filippu, u fl-1946 jingħad li huwa pproponielha sabiex tiżżewġu. 

Milli jidher, ir-Re Ġorġ ma tantx ħa pjaċir bl-għerusija ta’ bintu ma’ Filippu għaliex kien hemm is-suspett li permezz tiegħu, Philip Mounbatten kien sejjer iżid l-influwenza politika tiegħu. Ta’ min jgħid li Mountbatten kemm-il darba kellu xi jgħid mar-re minħabba li ried li jsir tibdil drastiku fil-mod kif timxi l-monarkija. 

Element ieħor li kien idejjaq lir-re fil-konfront ta’ Filippu kien li Mountbatten u forsi indirettament Filippu kellhom fama li jissimpatizzaw max-xellug. Fil-fatt, il-mara ta’ Mountbatten kien tappoġġja fil-miftuħ lill-Partit Laburista Ingliz. Però, fl-aħħar mill-aħħar għaddiet ta’ Eliżabetta, u dawn izzewgu fl- 1947. 

Fillippu ma damx wisq igawdi l-ħajja trankwilla li bdiet maż-żwieġ ma’ Eliżabetta għaliex ir-Re Ġorġ miet fl-1952 wara li marad bil-kanċer u għalhekk Eliżabetta ġiet inkurunata bħala r-Reġina Eliżabetta t-Tieni.

Il-prinċep assertiv li qatt ma sar re

Waħda mill-istramberiji tal-protokolli tal-familj rjali Ingliża hija li filwaqt li l-mara ta’ re tieħu t-titlu ta’ Regina, ir-raġel ta’ regina ma jistax jieħu t-titlu ta’ re. Minkejja li qatt ma sar re, Filippu minn dejjem żamm ir-riedni tal-familja tiegħu f’idejh. Fil-fatt, il-Prinċep Karlu, darba qal li fil-familja tiegħu “il-wens u l-fsied dejjem ġew minn ommu u d-dixxiplina ġew minn missierhom”. 

Filippu qatt ma ddejjaq jeħodha kontra l-establishment irjali. Fil-fatt darba kien qala’ polemika sħiħa rigward il-kunjom li kellhom jieħdu uliedu. Huwa ried li huma jkun kunjomhom Mountbattem mentri l-protokolli kienu jiddettaw li dawn jieħdu l-kunjom ta’ Windsor.

Familja diffiċli

L-inkwiet baqa’ jiġri wara Fillippu pratikament sal-aħħar jiem ta’ ħajtu. L-akbar sors ta’ inkwiet għalih dejjem ġie minħabba l-imġiba tal-membri tal-familja. Filippu kien sahansitra spiċċa investigat fuq l-inċident li wassal għall-mewt tal-eks mara ta’ ibnu Charles, Diana. Dan l-aħħar għadda minn żmien tassew ikrah meta ibnu l-ieħor, il-Pricep Andrew issemma li kien kompliċi ma’ Jeffrey Epstein fuq akkużi ta’ pedofelija. L-aħħar inkwiet familjari ġie min-neputi tiegħu, il-Prinċep Harry li umilja lill-familja rjali meta ddeċieda li jaqta’ ħafna mir-relazzjonijiet ma’ familtu wara diversi dikjarazzjoni minn martu Meghan Merkle.

Minkejja li Filippu ghex fid-dell tar-reġina għal sebgħin sena xorta sejjer iħalli warajh wirt imprezzabli l-aktar fejn jidħlu ghaqdiet taż-żgħażagħ. Husa kien waqqaf fondazzjoni ta’ għajnuna għall-għaqdiet li jieħdu ħsieb l- iżvilupp taż-żgħażagħ li minna bbenefikaw aktar minn sitt miljun żagħżugħ u zagħugħa mir-Renju Unit u numru kbir ta’ żgħażagħ oħra minn madwar 145 pajjiż ieħor. Fuq kollox, għal ħafna ċittadini Brittaniċi, Filippu huwa kkunsidrat bħala l-moħħ wara l-mod ta’ kif il-monarkija Ingliża rnexxielha taddatta għaż-żminijiet u tibqa’ popolari fost in-nies. 

Share With: