“Sal-lejla 40 fil-mija tal-adulti se jkunu minn tal-anqas ħadu l-ewwel doża”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li sal-lejla se nkunu qbiżna l-215,000 doża tal-vaċċin kontra l-Coronavirus li jfisser li aktar minn 40% tal-adulti f’Malta se jkunu ħadu minn tal-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin. Huwa qal li dan jikkuntrasta sew ma’ dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra fejn hemm pajjiżi li se jkunu laħqu l-40% f’Lulju li ġej. 

Meta kien qed jitkellem fuq programm televiżiv dalgħodu, Fearne qal li għall-kuntrarju ta’ dak li sostna ħaddieħor, il-vaċċin huwa s-soluzzjoni u qegħdin naraw kemm tassew jaħdem. Huwa qal li għalissa rridu nibqgħu kawti u nsegwu l-miżuri sakemm l-awtoritajiet jgħidulna mod ieħor. 

Qal li bir-rata li tiela’ t-tilqim m’aħniex ‘il bogħod milli bil-mod il-mod jibdew jitnaqqsu l-miżuri, speċjalment dawk li ttieħdu f’dawn l-aħħar ġimgħat. Fearne kompla jgħid li l-miżuri li ttieħdu kienu f’waqthom però issa, “dejjem fuq il-parir tal-aworitajiet tas-saħħa, se nibdew nikkalmaw bil-mod dawn il-miżuri.”

Fearne qal ukoll li dalwaqt se nkunu f’sitwazzjoni fejn fil-komunità tagħna tant se jkun hawn nies imlaqqmin, illi allura se tibda tkun sigur li nibdew niftħu iżjed, inkluż għat-turisti li huma mlaqqmin. 

Tenna li l-affarijiet jidhru mexjin fit-triq it-tajba, bil-vaċċin mhux biss huwa soluzzjoni għal saħħitna imma anke għall-ekonomija tagħna. “Dan is-sajf se nkunu l-iżjed pajjiż sigur fl-Ewropa kollha għax qed inlaqqmu b’din ir-ratta mgħaġġla,” qal Fearne. “F’Malta rnexxielna nħarsu s-saħħa tal-poplu u issa grazzi għall-miżuri u vaċċin niftħu l-ekonomija tagħna wkoll.”

Share With: