Rappurtaġġ mandatorju f’każi ta’ abbuż ta’ tfal

Il-Ministeru għas-Solidarjeta’ u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, implimenta parti oħra importanti mill-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, illi daħlet fis-seħħ f’Lulju tas-sena l-oħra. It-Tlieta wara nofsinhar, il-Ministru Michael Falzon, ħabbar li se jibda’ jitħaddem il-kunċett tal-‘mandatory reporting’, li l-għan aħħari tiegħu huwa li jitħaffef il-proċess ta’ meta ikun hemm xi tip t’abbuż fuq minorenni.

Il-Ministru Michael Falzon, spjega kif il-maġġoranza tal-professjonisti li jaħdmu mat-tfal, huma obbligati li jirrappurtaw suspett jew inkella ċertezza ta’ xi trattament ħazin fuq it-tfal. L-Artiklu 19 tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Maqgħuda dwar id-Drittijiet tat-Tfal, jiddetta ċar, li kull tifel u tifla għandhom jingħataw protezzjoni, minn kull forma ta’ vjolenza, negliġenza jew abbuż. 

Fil-qasam tat-tfal, Malta dejjem imxiet mal-linji gwida tal-Ġnus Maqgħuda  u għalekk l-Istat se jagħti iktar għoddod kollu sabiex ikunu protetti kull tifel u tifla. Dan f’eventwalita’ li jkunu qed jgħixu f’ambjent perikoluż, jew li nkella li ma jkunx wieħed ideali, għat-trobbija tat-tfal, fi żmien sensittiv ta’ żvilupp emozzjonali u fiżiku.

Matul iż-żmien dejjem inħasset il-ħtieġa ta’ struttura formali, li tagħti aktar saħħa lill-professjonisti li jaħdmu mat-tfal. Kull professjonist, li jkollu kuntatt formali jew informali mat-tfal, issa huwa obbligat li jirraporta kull suspett ħażin fil-ħajja tat-tfal. Jekk rapport jirriżulta li ma kien xejn, mhux se jkun hemm lok għal proċeduri kriminali kontra l-persuna li tagħmel ir-rapport. 

Il-konsulent legali li ħadem f’din il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal, Andy Ellul spjega kif il-professjonisiti se jingħataw aktar għodda u għajnuna, biex jassistu każijiet t’allegat abbuż fuq tfal. Spjega, kif issa l-professjonisiti għandhom aċċess onlajn għal formola, fuq is-sit family.gov.mt. Fiha, mil-lum kull professjonist jista’ jagħmel rapport jekk iħoss li hemm xi tip ta’ negliġenza, u jekk dan ma jkunx il-każ, ma jkun hemm l-ebda riperkusjonijiet oħra.

Il-Ministru Michael Falzon ikkonkluda u qal li għandu  fiduċja kemm fil-professjonisti kif ukoll fil-Qrati, sabiex każijiet bħal dawn jingħataw l-importanza li verament jirrikjedu, għax fil-qalba ta’ dan kollu, hemm it-tfal u dawn jixirqilhom kull prijorita’.

Share With: