Rankings tal-FIFA: Malta titla’ post u l-Belġju jibqgħu l-ewwel

L-Italja avvanzaw ‘il fuq u d-Danimarka daħlu fl-ewwel 10 fil-FIFA/Coca Cola Rankings tad-Dinja waqt li l-Belġju żammew posthom fil-quċċata meta għadhom jiddominaw fuq Franza u l-Brażil.

L-Italja telgħu tliet postijiet u jinsabu fis-seba’ post waqt li d-Daniżi telgħu żewġ postijiet u issa jinsabu fl-10 post wara li t-tnejn rebħu l-ewwel tliet logħbiet ta’ kwa­lifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022.

Ir-rankings ta’ April iġibu bidliet għal żewġ raġunijiet. L-ewwel u l-ikbar waħda hija li t-total tal-punti għal kull team qed jiġu kalkulati għal żewġ postijiet deċimali biex tissaħħaħ il-preċiżjoni.

Konsegwentement f’din l-aħħar edizzjoni hemm żewġ koppji biss bl-istess punti: il-Kamerun u l-Bosnja/Herzegovina fil-55 post u Cape Verde u l-Emirati Għarab Magħ­quda fit-73 post.

It-tieni, meta saru xejn inqas minn 185 logħba – il-maġġoranza tal-kwalifiki tat- Tazza tad-Dinja u tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani – mill-aħħar edizzjoni fi Frar, naturalment kien hemm ħafna moviment ifil-klassifika globali ta’ April.

Intant l-ewwel 10 fil-klassifika huma dawn: 1. Belġju; 2. Franza; 3. Brażil; 4. Ingilterra; 5. Portugall; 6. Spanja; 7. Italja (+3); 8. Arġentina (-1); 9. Urugwaj (-1); 10. Danimarka (+2).

Fil-11-il post hemm il-Messiku miż-żona tal-CONCACAF u warajhom iċ-champions tad-dinja erba’ darbiet, il-Ġermanja (+1).

MALTA TITLA’ POST

It-team Malti li kellu tliet wirjiet tajbin u kiseb punt fid-draw 2-2 kontra s-Slovakkja, tela’ post wieħed u issa jinsab fil-175 post.

It-timijiet l-oħra li jinsabu fl-istess Grupp H fil-preliminari Mondjali, kellhom fortuni differenti tant li l-Kroazja, li huma meqjusa bħala l-aħjar team mis-sitta, jinsabu fl-14-il post wara li niżlu tliet postijiet.

Is-Slovakkja niżlu żewġ postijiet u issa qed jokkupaw is-36 post, tnejn iktar mir- Russja li telgħu post mid-39 wieħed li kienu fih qabel il-logħob ta’ Marzu.

Imbagħad jiġu s-Slovenja li meta niżlu post issa qed jokkupaw it-63 wieħed waqt li Ċipru għamlu l-ikbar qabża meta mill-100 post issa jinsabu fis-97 wieħed.

Share With: