Raġel jitressaq il-Qorti b’rabta ma’ allegat ‘romance fraud’

Wara li fi Frar illi għadda tressqu l-Qorti sitt persuni b’rabta ma’ allegat frodi magħruf bħala ‘romance fraud’, komplew l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ din l-iskema. Il-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid u l-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal- Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji, arrestaw persuna oħra.

Mill-investigazzjonijiet illi sar rriżulta li l-vittma, mara ta’ 58 sena, daħlet f’relazzjoni virtwali ma’ persuna li allega li huwa Malti-Awstraljan li kien qiegħed jgħix Malta, imma kellu jmur lura l-Awstralja. Għaldaqstant, għalkemm qatt ma ltaqgħet wiċċ imb’wiċċ miegħu, hija ddepożitat eluf ta’ ewro f’kont bankarju.
Iżda rriżulta li l-persuna li kienet qiegħda tirċievi l-flus ma kienx qiegħed jgħix l-Awstralja, iżda Malta. Wara li ġiet stabbilità r-residenza tiegħu, is-Sibt illi għadda, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 26 sena mill-Kosta tal-Avorju, f’appartament f’San Pawl il-Baħar.

Illum, il-Pulizija ressqet b’arrest quddiem il-Maġistrat Dr Joseph Mifsud LL.D, lir-raġel ta’ 26 sena u ġie akkużat li kien involut fi skema ta’ frodi li wasslet għar-reat ta’ ħasil ta’ flus.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Dr Karl Muscat, Dr Sean Xerri de Caro u Dr Abigail Caruana Vella mill-uffiċċju tal-Avukat Generali, flimkien mal-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa mid-Distrett ta’ Raħal Ġdid u mill-Ispettur Claire Borg mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Ekonomici.
L-akkużat wieġeb mhux ħati u baqa’ taħt arrest preventiv.

Share With: