“Qatt ma ħassejtni milqugħ daqshekk f’Malta… bdiet il-gwerra ta’ ibni mal-kanċer”

Minn Victor Vella

Għal darba oħra dan il-poplu tagħna wera kemm hu ġeneruż. Kemm hu lest jgħin speċjalment meta hemm kwistjoni ta’ mard, li nafu li dan m’għandux fruntieri u ma jagħmilx distinzjoni dwar jekk inti Malti, barrani abjad jew iswed. Fl-aħħar jiem, kien il-plejer Brażiljan ta’ Marsa FC, Parick Maia, li f’ċirkostanzi ta’ taqtiegħ il-qalb hu esperjenza il-ġenerożità tal-Maltin.

Ibnu, wara testijiet li għamel ġie dikjarat li għandu Lymphoma Cancer. Iddaħħal fir-Rainbow Ward fl-Isptar Mater Dei biex jibda jingħata it-trattament.  Jiem iebsa għal familtu. Imma l-għajnuna b’mod partikolari mill-poplu Maltin inġenerali, kienet kbira.

Tant li missieru Patrick Maia, iddikjara li “qatt ma ħassejtni milqugħ daqshekk f’Malta”. Qal ukoll li “Grazzi! Ibni se jagħmilkom kburin. Il-poplu Malti kien tal-għaġeb magħna u m’għandix biżżejjed kliem biex nirringrazzjakom. Ma stajtx inkun f’post aħjar minn Malta f’dan il-mument diffiċli.”

Ġie dikjarat li “t-tifel Luca għamel biopsy u kien trasferit lejn Rainbow Ward biex jibda l-battalja. Aħna miegħu u l-armata hemm barra magħna, bdejna din il-ġlieda. Luca u l-ġenituri jirringrazzjaw lil kulħadd tal-għajnuna finanzjarja f’dan il-mument iebes. 

Minn naħa tiegħu Patrick Maia spjega li Luca għandu kanċer f’ġenb ta’ sidru u se jkollu jibda trattament tal-kimoterapija mill-iktar fis possibbli. Ma naqasx jirringrazzja lil għexieren ta’ persuni li fl-aħħar jiem taw għajnuna finanzjara u anke affarijiet tal-ikel biex isostnu lill-familja Maia.

Irid jingħad li l-għajnuna li ingħatat lil din il-familja u l-appoġġ morali li qed tirċievi mhux ġej biss mill-pubbliku inġenerali imma anke minn ħafna kumpaniji u entitajiet oħra li quddiem kawża bħal din, taw l-għajuna tagħhom.

Jispikka l-messaġġ  għal mod kif f’temp ta’ ftit ħin waslet din l-għajnuna kollha. Jgħid li “nirringrazzja lil kollegi u lil kulħadd.   Se nirbħu din il-battalja flimkien u se niċċelebraw ir-rebħa flimkien ma’ Luca”.

Share With: