Pulizija jispara fuq kollega aċċidentalment… il-vittma jingħata kumpens ta’ €10,119

Uffiċjal tal-Pulizija li safa ferut minn ieħor b’tir ta’ arma tan-nar waqt taħriġ mhux awtorizzat ingħata kumpens ta’ €10,119 għad-danni li sofra.

Peter Paul Sammut fetaħ kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kuntistabbli Shawn Axiaq u s-Surġent (illum Spettur) Jonathan Ransley.

L-inċident seħħ fil-lejl ta’ bejn it-30 ta’ April u l-1 ta’ Mejju tal-2009 waqt li Sammut kien fuq ronda flimken ma’ Axiaq. Huma rċevew struzzjonijiet mis-superjur tagħhom, Ransley, biex imorru fil-kumpless White Rocks f’Pembroke biex isir xi taħriġ hemm. 

It-taħriġ kien jikkonsisti f’simulazzjoni ta’ sitwazzjoni li fiha membru tal-korp ikollu jidħol b’mod sfurzat f’binja biex jarresta kriminali li jkun qiegħed jirreżisti l-intervent tal-forzi tal-ordni.

Meta waslu fuq il-post kien hemm numru ta’ uffiċjali oħra. Ransley ordnalhom ineħħu l-munizzjon mill-arma li kellhom fuqhom. L-istruzzjonijiet tiegħu kienu li subgħajhom dejjem ikunu ‘l barra mit-trigger guard u qatt ma ta l-ordni li jingħafas il-grillu.

Ransley xehed li wara l-eżerċizzju kellu jagħti ordni hu biex idaħħlu l-munizzjon fl-arma u joqogħdu flimkien kif kienu meta daħlu biex kulħadd jillowdja l-arma flimkien, bl-arma fid-direzzjoni ġol-ħamrija.

Skont ma ħareġ fil-Qorti, Axiaq kien daħal fil-kamra fejn kien mistoħbi Sammut bit-torċ mitfija, u spara fid-direzzjoni tiegħu minn distanza qasira u laqtu fil-ġenb ta’ sidru tan-naħa tax-xellug. 

Dwar l-isparatura, Axiaq qal li ħaseb li kien intemm l-eżerċizzju, daħħal il-munizzjon fl-arma u kkargaha biex ikun lesta meta jkompli sejjer fuq ir-ronda. Allega li dak il-ħin is-Surġent qalilhom biex jerġgħu jirrepetu s-simulazzjoni u kien nesa li kien ikkarga l-arma bil-munizzjoni fiha.

Min-naħa l-oħra, uffiċjal li kien prezenti waqt it-taħriġ qal li s-surġent kien qalilhom li ma kellhomx jikkargaw l-armi jew jiġbdu l-grillu iżda kellhom jgħidu ‘bumm’. Dan kien korraborat mill-kuntistabbli kollha li kienu preżent waqt it-taħriġ.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li s-Surġent kien sejjaħ l-eżerċizzju minn jeddu mingħajr ma kien awtorizzat. Fl-2013, Axiaq kien instab ħati li bi traskuraġni, ikkaġuna ferita ta’ natura gravi fuq Sammut. 

Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Grazio Mercieca qal li m’hemmx dubju li l-aġir ta’ Axiaq kien wieħed ta’ negliġenza kbira u traskuraġni meta pponta arma tan-nar fid-direzzjoni tal-kollega tiegħu u saħansitra spara. Qal li Axiaq irid iġorr ir-responsabbiltà ta’ dak li għamel u li setgħet wasslet biex Sammut jitlef ħajtu intortament. 

Il-Qorti rat ukoll li Ransley ma jġorr l-ebda tort għall-aġir ta’ Axiaq u li l-Kummissarju kien ta t-taħriġ meħtieġ lill-uffiċjali tiegħu. 

Meta ġie biex jikkalkula d-danni, l-Imħallef Mercieca ra li meta ġara l-inċident Sammut kellu 41 sena u li kien baqagħlu erba’ snin biex joħroġ bil-pensjoni tas-servizz. Qal li però ma jfissirx li huwa ma setax jagħmel xogħol ieħor wara l-età tal-irtirar mis-servizz u jkollu introjtu minn dan l-impjieg.

Kien għalhekk li ddikjara illi l-inċident kien seħħ minħabba traskuraġni ta’ Axiaq u ordnalu jħallas lil Sammut is-somma ta’ €10,119.30ċ.

Share With: