Piż ta’ €5 miljun kuljum fuq il-Gvern minħabba l-Covid-19

Il-piż tal-pandemija fuq il-finanzi tal-Gvern huwa ta’ xejn inqas minn €5 miljun kuljum. Minn dawn, €3 miljun kuljum qed jintefqu biex isostnu l-ekonomija, il-familji u n-negozji, u ż-€2 miljuni l-oħra huma attribwiti għall-fatt li l-Gvern qed jonqoslu d-dħul tiegħu minħabba n-nuqqas ta’ attività ekonomika b’riżultat tal-pandemija.

Iddikjara dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar l-impatt tal-Covid-19 fuq in-nefqa u d-dħul tal-Gvern għas-snin 2020 u 2021. 

Il-Ministru Caruana qal li s-sena l-oħra fil-baġit, il-Gvern kien ħabbar li l-mira tad-defiċit kellha tkun dik ta’ 9.4%. Fil-fatt, il-figura tad-defiċit għall-2020 kienet ta’ 10.1%. 

F’dan li għandu x’jaqsam id-defiċit għal din is-sena, mistenni jkun ta’ 12%. Din iż-żieda fid-defiċit hija attribwita għall-fatt li l-pandemija twalet aktar u l-Gvern qed iħoss li għandu, matul ix-xhur li ġejjin ikompli jwieżen l-ekonomija tagħna.

Il-Ministru Caruana semma wkoll li fl-2019 kellna 2,800,000 turist, filwaqt li s-sena l-oħra f’Malta ġew biss 660,000 turist. “Għaldaqstant l-ispiża li jonfqu turisti hawn Malta għal kull €100 li kienu jħallu, s-sena l-oħra ħallewlna biss €20. Mill-industrija tat-turiżmu biss, ħabba l-pandemija, is-sena l-oħra, pajjiżna għal kull €100 li kien idaħħal, tilef €80.”

‘Minn €2.2 biljuni li nefqu t-turisti li nefqu fis-sena 2019, is-sena l-oħra t-turisti f’pajjiżna nefqu biss €455 miljun. Għaldaqstant, din hi waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn l-ekonomija tagħna ħadet id-daqqa li ħadet u b’hekk dan kollu jirrifletti fil-finanzi pubbliċi tal-Gvern.”

Ħarsa lejn dak li qed jiġri fid-defiċit tal-Gvern għas-snin li ġejjin, naraw li s-sena d-dieħla se jinżel għal 5.6%, fl-2023 jinżel għal 3.9% biex eventwalment jinżel taħt it-3% fl-2024. 

“Dan it-titjib li se nkunu qed naraw fid-defiċit ta’ pajjiżna fl-ebda ħin mhu se jkun qed jiġi għax inżidu t-taxxi jew indaħħlu aktar taxxi ġodda f’pajjiżna,” qal il-Ministru Caruana. “Din hi importanti ħafna biex nibagħtu messaġġ ċar li dak li kien qiegħed jagħmel dan il-Gvern matul is-snin li għaddew, se jkompli jagħmlu matul is-snin li ġejjin fil-qasam fiskali. Dan iwassal għal serħan il-moħħ biex min jinvesti f’pajjiżna mhu se jsib l-ebda żieda jew taxxi ġodda.”

“Il-Ministru Caruana qal ukoll li minħabba li żdied id-defiċit, id-dejn tal-Gvern żdied. ‘Fis-snin li ġejjin se mmissu mas-66%. Dan id-dejn jikkompara tajjeb ħafna. Għandna fost l-inqas rata ta’ dejn ikkumparata ma’ pajjiżi oħra fl-UE.”

Share With: