Pfizer tgħid li tista’ tkun meħtieġa t-tielet doża tal-vaċċin

Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Pfizer, Albert Bourla, qal li n-nies x’aktarx se jkollhom bżonn booster tal-vaċċin kontra l-Covid-19 fi żmien 12-il xahar minn meta jitlaqqmu kompletament.

Waqt intervista li saritlu, huwa qal li jekk tingħata t-tielet doża tal-vaċċin, x’aktarx li din għandha tingħata fi żmien bejn sitt xhur sa sena.

Bourla ġie rrapurtat jgħid ukoll li huwa possibbli li n-nies ikollhom bżonn jitlaqqmu kontra l-Covid-19 kull sena. Żied jgħid iżda li dan kollu jeħtieġ li jiġi kkonfermat u qal li għal darb’oħra, il-varjanti se jkollhom rwol ewlieni.

Il-kumment tiegħu jiġi wara dak li qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Johnson & Johnson fi Frar meta qal li n-nies jista’ jkollhom bżonn jitlaqqmu kontra Covid-19 kull sena.

Min-naħa l-oħra rapporti jgħidu li r-riċerkaturi għadhom ma jafux kemm iddum il-protezzjoni kontra l-virus ladarba xi ħadd ikun ġie mlaqqam kompletament.

Aktar kmieni dan ix-xahar, Pfizer qalet li l-vaċċin tagħha kien iktar minn 91% effettiv fil-protezzjoni kontra l-Covid-19 u aktar minn 95% effettiv kontra mard sever sa sitt xhur wara t-tieni doża.

Share With: