Paramediċi jirrakkontaw kif sabu lil Floyd mingħajr polz

Żewġ paramediċi rrakkontaw fil-Qorti ta’ Minneapolis kif huma kienu sabu lil George Floyd mingħajr polz filwaqt li deher li ma kienx qiegħed jieħu n-nifs. 

L-eks uffiċjal tal-Pulizija Derek Chauvin jinsab akkużat li qatel lil Floyd billi poġġa rkopptu fuq għonqu għal aktar minn disa’ minuti waqt l-arrest tiegħu f’Mejju tal-2020. 

Fix-xhieda tiegħu, il-paramediku Seth Branvindar qal li l-ewwel telefonata għall-assistenza ma kinitx meqjusa bħala “ta’ periklu għall-ħajja”. Però, din inbidlet ftit tal-ħin wara.

Huwa qal li inizjalment ħaseb li kienet qed issir xi taqbida meta hu u l-kollega tiegħu waslu fuq il-post iżda dlonk sabu lil Floyd mixħut mal-art. Spjega kif huma kienu talbu lill-akkużat biex iqum minn fuq Floyd biex “ikollhom aċċess għall-pazjent”.

Il-kollega tiegħu Derek Smith qal fil-Qorti kif huwa kien iċċekkja lil Floyd għall-polz biex jara għadux ħaj. Qal li ma seta’ jsib l-ebda polz u ħaseb li kien mejjet.

Meta mbagħad daħħluh f’ambulanza, Smith ħaseb li kien hemm xi attività ġejja minn qalb Floyd u ta xokk elettriku biex tipprova terġa’ tibda. “Fuq kollox huwa kien bniedem u jiena kont qed nipprova nagħtih it-tieni ċans ta’ ħajja.”

Min-naħa tiegħu, Bravinder qal li kellu jwaqqaf l-ambulanza fi triqitha lejn l-isptar biex jgħin lill-kollega tiegħu x’ħin il-monitor beda juri li qalb Floyd kienet waqfet għalkollox. L-isforzi kollha li saru biex iżommu lil Floyd ħaj kienu kollha ta’ xejn.

Intant, fir-raba’ jum tal-ġuri ta’ Chauvin, xehdet ukoll is-sieħba ta’ Floyd, Courteney Ross, li rrakkontat b’emozzjoni kbira meta kienu ltaqgħu l-ewwel darba u taw l-ewwel bewsa lil xulxin, kif ukoll il-ġlieda tagħhom mal-vizzju tas-sustanzi. 

Share With: