Oscars li ħaddnu d-diversità imma setgħu kienu l-aħjar

Minn Mario Azzopardi

F’sena ddominata minn pandemija fejn l-oqsma kollha tal-kultura ħadu daqqa kbira, iċ-ċeremonja tal-Oscars kienet mera ta’ min xhix għadna għaddejjin.  Nieqsa minn mijiet ta’ ammiraturi jilqgħu l-istilel ta’ Hollywood fuq it-tapit l-aħmar f’Hollywood Boulevard, iċ-ċeremonja nniffisha żvolġiet kważi kollha f’sett improviżżat fl-istazzjoni tal-ferrovija, Union Station ta’ Los Angeles.

Dawk innominati li ddeċidew li jattendu, kellhom jagħmlu tliet testijiet tal-Covid-19 fis-seba’ tijiem ta’ qabel, tnejn minnhom f’klinika apposta organiżżata mill-organiżżaturi.  Setgħui jattendu dawk innominati u ftit mistednin tagħhom li tpoġġew bil-qegħda f’stil ta’ show ta’ cabaret.  Wara nofs is-serata, in-nies bil-qegħda inbidlu ma’ nies oħra nnominati u l-mistednin tagħhom.  Ħadd ma libes il-maskra.  Il-producers baqgħu jinsistui li ebda rebbieħ ma seta’ jagħmel kollegament biż-zoom mis-salott tad-dar imma taw l-opportunità li jagħmlu kollegamenti bis-satellita, fosthom mill-binja tal-British Film Institute f’Londra.  Tnejn biss mir-rebbieħa kienu assenti.  Dawn kienu:  Ann Roth li rebħet l-Oscar għad-disinn tal-kostumi ta’ “Ma Rainey’s Black Bottom” u Anthony Hopkins li rebaħ l-Oscar għall-aħjar attur għall parti tiegħu f’“The Father”.

Il-miżuri li ttieħdu għal raġunijiet ta’saħħa kienu kollha jagħmlu sens u f’waqthom.  Huma d-deċiżjonijiet l-oħra li għamlu s-serata nieqsa mill-spettaklu u stravaganza.  Fost l-agħar deċiżjonijiet wieħed irid jirrimarka: l-Oscar għall-aħjar film ma kienx l-aħħar wieħed tas-serata (iż-żewġ Oscars għall-atturi f’parti prinċipali ġabu fi tmiem iċ-ċeremonja); id-diskorsi ma kienux ikkontrollati bil-ħin u allura s-serata xorta baqgħet twila 195 minuta; il-backdrop kienet sempliċi purtiera; u l-mużika fis-sala kienet rekordjata u pprovduta mid-DJ Questlove!

It-93 serata bdiet b’Regina King dieħla fis-sala ewlenija ta’ Union Station u meta telgħet fuq il-palk għal ftit ma tfixklitx fil-libsa tagħha stess.  

Netflix kien l-istudios li rebaħ l-akbar għadd ta’ Oscars: 7 b’kollox.  Imma Netflix falla kompletament milli jirbaħ xi waħda mis-sitt Oscars il-kbar.  Dawn intrebħu minn “Nomadland” (film, Chloé Zhao bħala direttur u Frances McDormand bħalha attriċi f’parti prinċipali); “Judas and the Black Messiah” (Daniel Kaluuya bħala attur f’parti sekondarja); “Minari” (Yuh-Jung Youn bħalha attriċi f’parti sekondarja) u “The Father” (Anthony Hopkins).  Għal Anthony Hopkins fl-età ta’ 83 sena, kienet sorpriża li rebaħ din l-Oscar.  Hu sar l-ixjaħ attur li rebaħ dan l-unur.  Immedjatament wara li ntemmet iċ-ċeremonja, Hopkins minn-Wales ħareġ filmat jirringrazzja lill-Akkademja imma fuq kollox sellem lill-mibki Chadwick Boseman li kien il-favorit li jirbaħ l-Oscar.

L-Oscars wrew li l-istudios tradizzjonali għadhom b’saħħithom u l-kumpanija tal-istreaming mhux ser jieħdu xi walkover minn fuqhom anke waqt il-pandemija.

Biex forsi jqajjmu s-serata, din is-sena daħlu logħba fost dawk preżenti meta l-attur komiku Lil Rel Howery staqsa mistoqsijiet lil Andra Day, Daniel Kaluuya u lil Glenn Close jekk il-biċċa kanzunetta li daqq id-DJ Questlove rebħitx Oscar, kienitx innominata jew jekk qatt ma kienet innominata għal dan l-unur.  Kemm Andra Day kif ukoll Daniel Kaluuya ftit li xejn qatgħu figura.  Imma d-diska għal Glenn Close kienet ‘Da Butt’ meħuda mis-soundtrack tal-film “School Daze” ta’ Spike Lee li kien ħareġ fl-1988.  Glenn Close għarfitha imma dak li kulħadd ser jibqa’ jiftakar hu meta Glenn Close qamet bil-wieqfa u bdiet tiżfinha.

L-Oscars 2021 għaddew u wieħed jittama li anqas minn sena oħra, l-Oscars isiru f’atmosfera aħjar fid-Dolby Theatre.  Xi ideat li ġew ippruvati din is-sena għandhom jibqgħu.  Waħda tajba ħafna hi kif saret l-introduzzjoni dwar kif dawk innominati bdew jaħdmu fl-industrija tal-films.  Hemm oħrajn li aħjar jintesew.

Share With: