“Nixtieq ikollna jum ta’ tifkira għall-vittmi Maltin tal-Covid19”

Minn Victor Vella; Ritratti: Roger Azzopardi

“Għaddew erba’ xhur, nipprova nifhem għaliex inti? Kemm staqsejtha din il-mistoqsija lili nnifsi!  Infittex it-tweġiba u ma nsibha imkien. Kont għadek f’saħħtek. Toħroġ barra ftit li xejn kont, biex ma tiblax dan il-misħut virus.  Virus li sirt nobogħdu. Ma rridx nisma’ bih aktar. Seraqli lil missieri ħabta u sabta. Jitlagħlu id-deni, ġirja lejn l-isptar u l-kundizzjoni tmur għall-agħar fi ftit jiem. Kemm kienet iebsa narak tiġġieled għan-nifs. Kemm kont narahom twal dawk il-minuti. Kemm weġgħajt li ma kontx narak tħares lejja imma fhimt kemm kont muġugħ missier. Minn dakinhar ‘lhawn għadni ma ħadtx ruħ. Nipprova nsib faraġ. Fejn se nsibu?  Nipprova nedha iva, imma l-moħħ jibqa’ jberren fuqek u kif tlaqt. Hekk bla dinjità. Ħadd ħdejt biex iżommlok idejk. U nisma ta’ kuljum dawk in-numri. Jidħlu f’moħħi. U nistaqsi mela inti numru? U nibqa’ nhewden. Dwejjaq kbar.  Nirtira waħdi bogħod mir-raġel u tfal. Meta se jgħaddi dan il-mument? Iż-żmien iderri ngħidu imma jien aktar qed inħossn nogħtor taħt dan il-piż.  Nistaqsi spiss stajtx għamilt xi  ħaġa aktar għalih?  Min fejn ħadu? Għal darba oħra bla tweġiba. Kbira wisq telfa hekk.”

Dan hu kumment li għadditilna bint li ftit xhur ilu tilfet lil missierha minħabba wara li ġiet infettat bil-virus tal-Covid19. Ma tieqaf hemm u tgħidilna li għandna xewqa partikolari.  

“Nixtieq li l-qraba tal-vittmi ma jibqgħux ibatu fis-silenzju. Forsi ssir xi ħaġa li tgħaqqadna flimkien. Tgħinna noħorġu min din is-sitwazzjoni iebsa. Bħali hemm oħrajn. Nixtieq li anke l-qraba tagħna ma jibqgħux biss numru li jissemma kuljum. Il-qraba tagħna kienu nies ukoll tad-demm u l-laħam. Kellhomn id-dinjità, allavolja l-virus neħħihielhom.  Kemm ikun f’waqtu li kieku dawn il-vittmi jkun hemm jum iddedikat għalihom. Jum li fih infakkruhom. Forsi iva innaqqxu isimhom ukoll. Ma jibqgħux numru. Jum li fih infakkru l-memorja tagħhom. Nixtieq li bħala sit tagħmlu dan is-suġġeriment.  Xi ħaġa bħal din għandha tgħinnha ntaffu dan ir-rimors. Din id-dieqa kbira li għandna. Bħalissa inħossni f’ċirku li ma nistax noħroġ minnu.   Nhewden biss. Niftakar fil-memorji sbieħ u nibki”.

Tgħidilna li “nittama li dan is-suġġeriment jintlaqa’.  Din hi ferità għalina li rridu nibdew ngħalquha. Għax għalija x’jiswa li nirritornaw għan-normalità u jien imtertqa minn ġewwa. X’tiswa n-normalità għalija? Jgħiduli  ipprova għix ħajtek, derri, insa.  Qed insibha diffiċli. Għinuna nibdew ħajjitna mill-ġdid”, tgħidilna il-bint.

Tenfasizza li b’ġurnata ta’ tifkira l-għeżież li tilfu ħajjithom mhux se jerġgħu jiġu lura.  Temmen li b’dan il-mod għallinqas ikun sar sforz biex nonoraw il-memorja ta’ dawn il-vittmi. 

“Vuċi fuq ‘voice mail’ li ngħożżha immens

Il-bint tgħidilna li “għandi vuċi tiegħu rrekordjata fuq voice mail. Nintefa’ waħdi u noqgħod nismagħha u nismagħha. Qisu inħossu li qiegħed ħdejja, allavolja naf li mhux il-każ. Nisimgħu jitkellem bil-kuraġġ. Jgħidli ma ninkwetax għax fl-isptar qiegħed f’idejn tajbin li qed jieħdu ħsiebu. Ngħożżha ħafna din l-vuċi, allavolja tbikkini kull x’ħin nismagħha”. 

Share With: