“Nistennew li sa ġimgħa oħra l-EMA tieħu deċiżjoni dwar il-Johnson & Johnson”

F’intervista ppubblikata minn dan is-sit aktar kmieni l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne tkellem dwar diversi suġġetti relatati mal-pandemija u l-mod ta’ kif l-awtoritajiet indirizzaw l-isfidi li ġabet magħha.

Il-Ministru qal li hu dejjem saħaq dwar l-għaqda fix-xiri tal-vaċċin u li dan wassal għal ġid kbir għall-pazjenti fl-UE kollha. Huwa qal li fost ħafna affarijiet oħrajn din l-għaqda wasslet ukoll biex il-vaċċin seta’ jinxtara bi prezz ħafna inqas minn dak li qed iħallsu pajjiżi barra mill-UE.

Mitlub jikkummenta dwar l-vaċċin tal-Johnson and Johnson, il-Ministru kkonferma magħna l-wasla tal-ewwel konsenja ta’ dan il-vaċċin li għalissa se tkun qiegħda tibqa’ ssiġillata.

Fearne qalilna li bħalma dejjem għamlet Malta se tkun qiegħda timxi mad-direzzjoni tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina (EMA). Għalhekk l-istess japplika għall-użu ta’ dan il-vaċċin. Il-Ministru kkonferma li bħala awtoritajiet qegħdin jistennew li sal-ġimgħa li ġejja l-EMA tkun waslet għal konklużjoni dwar il-vaċċin.

Intant Fearne appella lil dawk kollha li għandhom ‘il fuq min 50 sena biex jirreġistraw għat-tilqima (sa issa mhux Johnson and Johnson) billi jmur fuq vaccin.gov.mt.

Share With: