“Nevitaw diżgrazzji bla bżonn”… Jixxabbat għal ritratt mill-quċċata tal-Ġerma

Filmat li qiegħed jiċċirkola fil-midja juri grupp ta’ dawk li jidhru li huma żgħażagħ fil-quċċata tal-eks lukanda Ġerma f’Wied il-Għajn ħoloq bosta reazzjonijiet. Fil-filmat jidher wieħed miż-żagħżagħ jixxabbat għal isfel b’ieħor minnhom jidher jiġbidlu ritratt mill-għoli.

Fost il-ħafna reazzjonijiet kien hemm dawk li ġġustifikaw din l-imġiba perikoluża minħabba li jista’ jkun li dawn iż-żgħażagħ mhumiex konxji tal-periklu li jinsabu fih u oħrajn ikkundannaw dan l-aġir minħabba riskju evidenti ta’ traġedja li tista’ faċilment tiġi evitata.

Dan is-sit għamel kuntatt mal-Pulizija u staqsa jekk il-Pulizija jidħlulhiex tali rapporti. Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ dan is-sit li sfortunatament dawn il-każi mhumiex waħdiet minħabba li dawk involuti ma jkunux konxji tar-riskju għal ħajjithom. Huwa qalilna li aktar milli kwistjoni ta’ rapporti u sanzjonijiet, hawnhekk iktar hu każ ta’ kif nistgħu nissalvagwardjaw il-ħajjiet. Intant l-uffiċjal appella biex kull min jiġi wiċċ imb wiċċ ma’ periklu simili jikkuntattja lill-awtoritajiet fuq il-119.

Share With: