Mistennija t-tieni l-akbar rata ta’ emissjonijiet fl-istorja

Minn Carmen Cachia           

Il-pandemija tal-Covid-19 wasslet għal problema oħra u din id-darba rigward periklu ta’ tniġġis fl-ambjent. Dan minħabba li hekk kif il-gvernijiet tad-dinja kollha qegħdin jagħmlu minn kollox biex jerġgħu jqajmu l-ekonomiji tagħhom, dawn qegħdin jinvestu flushom fuq materjali primi derivati mill-fossili, fothom il-faħam u ż-żejt, li mhumiex favur l-ambjent.

Konsegwenza ta’ dan, il-ġurnal “Guardian” irrapporta li l-emissjonijiet tal-karbonju dijossidu huma mistennija li jiżdiedu konsiderevolment tant li jista’ jkun li se nesperjenzaw it-tieni l-għola żieda annwali fl-Istorja. Din il-qabża hija inqas biss wara ż-żieda enormi li seħħet 10 snin ilu minħabba l-kriżi finanzjarja u se xxejjen it-tamiet kollha li kien hemm li l-klima globali se tmur għall-aħjar.

Proprju għalhekk, l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija (IEA) appellat għal azzjoni immedjata u konkreta mill-gvernijiet kollha bil-għan li tkun evitata ħsara konsiderevoli fl-ambjent.

Iż-żieda fl-użu tal-faħam, li huwa l-aktar fjuwil fossili maħmuġ, għall-provvista tal-elettriku qiegħda twassal għal żieda fit-tniġġis tal-arja u dan b’mod speċjali fl-Asia. Barrra minnhekk, iż-żieda fl-użu tal-faħam fl-Istati Unit, ukoll huwa ta’ tħassib. Dan minħabba li l-faħam qiegħed xorta jintuża minkejja li l-prezz tiegħu huwa aktar għoli minn mezzi oħra ta’ enerġija alternattiva u nadifa.

F’intervista mal-ġurnal id-direttur eżekuttiv tal-IEA qalet li, “din hija aħbar xokkanti u ta’ tħassib serju. Min-naħa għandek gvernijiet li jgħidu li t-tibdil fil-klima huwa prijorità fl-aġenda tagħhom, imma min-naħa l-oħra qegħdin naraw li se jkun hemm it-tieni l-akbar żieda fl-emissjonijiet fl-istorja. Dan huwa verament diżappuntanti”.

Ix-xjenzati kienu wissew li hemm bżonn li l-emmissjonijiet jitnaqqsu b’45% f’dan id-deċenju biex nillimitaw iż-żieda fit-temperatura globali għal 1.5 gradi celsius. Dan ifisser li f’dawn l-10 snin huwa importanti li jsiru tibdiliet fuq livell mondjali qabel ma l-livell tal-karbonju fl-arja jogħla wisq b’konsegwenza ta’ livelli perikolużi ta’ sħana. Iżda, ir-rata preżenti tal-emissjonijiet li żdiedu minħabba l-kriżi tal-Covid-19, għal Birol, ifissru li, “ninsabu f’punt tat-tluq li żgur m’huwiex wieħed tajjeb”.

Share With: