“Mira li nirkupraw sal-2024… Mhux se nintroduċu taxxi ġodda” – Il-Ministru Għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana

Meta kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Herman Schiavone rigward meta hu stmat li pajjiżna se jkun qiegħed jirkupra mid-dejn, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li skont il-kalkoli hu stmat li l-mira tkun is-sena 2024.

Il-Ministru Caruana spjega li s-sena li għaddiet ingħalqet b’deficit ta’ 10.1 fil-mija u din is-sena dan id-dejn mistenni jikber għal 12 fil-mija.

Minkejja dan, is-sena li ġejja pajjiżna mistenni jagħmel profitt u b’hekk l-ekonomija ta’ pajjiżna se tibda tirpilja u d-dejn jonqos għal 6 fil-mija. Fis-sena ta’ wara; iġifieri fl-2023 dan hu stmat li se jinżel għal 3 fil-mija sakemm fis-sena 2024 id-dejn jinżel taħt it-3 fil-mija.

Il-Ministru Caruana għamilha ċara li dan il-pjan mhux se jkun qiegħed iwassal għall-introduzzjoni ta’ taxxi ġodda għax dan ikun żball kbir li jmur kontra l-għajnuna kollha li dan il-gvern għażel li jagħti biex isalva l-impjiegi.

Caruana kompla biex jgħid li meta mqabbel ma pajjiżi oħra fl-UE, pajjiżna jinsab fl-aħħar postijiet u se jibqa’ fl-aħħar postijiet f’dak li għandu x’jaqsam mad-dejn tal-gvern meta mqabbel mal-GDP.

Share With: