Mira ambjentali tidher ‘il bogħod milli tintlaħaq

L-UE trid taċċellera l-installazzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar biex tippromwovi żvilupp ġdid fl-elettromobbiltà

Minn Carmen Cachia

Skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), l-Unjoni Ewropea għadha ’l bogħod ħafna milli tilħaq il-mira tagħha tal-Patt Ekoloġiku ta’ 1,000,000 punt tal-iċċarġjar sal-2025 u ma għandhiex pjan direzzjonali strateġiku kumplessiv għall-elettromobbiltà. Minkejja s-suċċessi bħall-promozzjoni ta’ standard komuni fil-livell tal-UE għall-plakek għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi u t-titjib tal-aċċess għal networks differenti tal-iċċarġjar, għad hemm ostakli għall-ivvjaġġar b’vetturi elettriċi fl-Unjoni Ewropea kollha. L-ORIZZONT tkellem ma’ Leo Brincat, membru tal-QEA, fejn qalilna li bil-“Patt Ekologiku Ewropew” imħabbar f’Diċembru 2019, l-UE issa qiegħda timmira li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport b’90% sal-2050, meta mqabbla mal-1990.

“Dan bħala parti minn sforz akbar biex issir ekonomija newtrali għall-klima. Parti essenzjali mit-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport bit-triq, hija t-transizzjoni għal karburanti alternattivi b’livell aktar baxx ta’ karbonju Minn dawn, l-aktar sors ġdid komuni huwa l-elettriku, b’mod partikolari għall-vetturi tal-passiġġieri. Dan ir-rapport se jikkontribwixxi għar-revizjonijiet li jmiss tal-leġislazzjoni ewlenija tal-UE f’dan il-qasam, kif wkoll għax-xogħol ta’ ppjanar u implimentazzjoni tal-perijodu ta’ programmazzjoni 2021-2027,” sostna Leo Brincat.

Varjazzjoni sostanzjali bejn il-pajjiżi…

Fir-rapport tagħhom, l-awdituri sabu li d-disponibbiltà ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi tvarja b’mod sostanzjali minn pajjiż għall-ieħor, li s-sistemi ta’ pagament m’humiex armonizzati u li ma hemmx informazzjoni f’ħin reali disponibbli għall-utenti.

Fl-2020, għalkemm kien hemm tnaqqis kumplessiv fir-reġistrazzjonijiet ta’ vetturi ġodda minħabba l-pandemija tal-COVID-19, is-sehem mis-suq ta’ vetturi elettriċi u vetturi ibridi rikarikabbli żdied b’mod sinjifikanti. Madankollu, in-networks tal-iċċarġjar mhumiex qegħdin jiżviluppaw bl-istess pass.

“L-elettromobbiltà tirrikjedi infrastruttura suffiċjenti għall-iċċarġjar. Iżda biex din l-infrastruttura tinbena, jeħtieġ li jkun hemm aktar ċertezza f’dak li jirrigwarda l-livelli tal-użu tal-vetturi,” qal Ladislav Balko, il-membru tal-QEA responsabbli għar-rapport. 

Huwa qal li s-sena l-oħra, karozza waħda minn kull għaxra mibjugħa fl-UE kienet vettura li tista’ tiġi ċċarġjata elettrikament, iżda l-infrastruttura tal-iċċarġjar hija aċċessibbli b’mod irregolari madwar l-UE. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri temmen li jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel aktar biex tappoġġa l-kopertura tan-network fl-blokk Ewropew kollu u tiżgura li l-finanzjament mill-UE jmur fejn huwa l-aktar meħtieġ.

Share With: