Melita twassal b’€10,000 ikel lill-Fondazzjoni Foodbank Lifeline

Melita Limited tat b’€10,000 f’ikel lill-Fondazzjoni Foodbank Lifeline. Dawn se jitqassmu lil individwi u familji li bħalissa qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Il-Fondazzjoni Foodbank Lifeline, li twaqqfet fl-2015, tgħin lin-nies bla dar, kif ukoll dawk affetwati minn mard, dħul baxx u dewmien fil-benefiċċji soċjali. Il-Fondazzjoni twettaq dan billi tipprovdi ikel għal perjodu sa massimu ta’ sitt ġimgħat, dan jippermetti iktar żmien sabiex jinstabu soluzzjonijiet aktar permanenti.

Barbara Caruana, Maniġer tal-Fondazzjoni Foodbank Lifeline, qalet, “Minħabba l-imxija tal-Covid-19, in-numru ta’ individwi u familji li qed isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ kriżi kiber. Dan wassal għal pressjoni kbira fuq il-Fondazzjoni tagħna biex tkun tista’ tlaħħaq mad-domanda u tiżgura li l-ebda persuna ma’ ssofri mill-indignità tal-ġuħ. Grazzi għall-ġenerożità kemm tal-pubbliku kif ukoll ta’ organizzazzjonijiet fosthom Melita, b’xorti tajba stajna nkomplu nipprovdu ikel lill dawk li kellhom bżonn l-appoġġ tagħna matul dan iż-żmien ta’ sfida.”

Charlene Xuereb Ciantar, Maniġer tal-Komunikazzjoni ma’ Melita Limited qalet, “Numru sinifikanti ta’ nies fil-komunità tagħna qed jiffaċċjaw tbatija serja. Il-Fondazzjoni Foodbank Lifeline twettaq xogħol inkredibbli u nafu li l-ikel li tajna se jmur għal dawk li verament għandhom bżonnu.”

Tagħrif dwar il-Fondazzjoni Foodbank Lifeline, inkluż kif tagħti donazzjoni, jinsab disponibbli fuq is-sit https://www.foodbanklifeline.com/ 

Share With: