Megħjuna 2,000 vittma ta’ kriminalità

Titnieda l-Aġenzija ta’ Appoġġ għall-Vittmi

Mal-2,000 vittmi ta’ kriminalità ġew megħjuna minn diversi taqsimiet ta’ appoġġ f’dawn l-aħħar erba’ snin. Ħabbar dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri meta nieda l-Aġenzija ta’ Appoġġ għall-Vittmi ta’ Kriminalità fil-Kalkara. 

L-irwol ta’ din l-aġenzija se jkun li jagħti l-appoġġ kollu lill-vittmi, inkluż dak psikoloġiku u emozzjonali, u fl-istess ħin tgħaqqad is-servizzi kollha preżenti taħt kappa waħda u magħha żżid servizzi oħra.

Fost dawn tal-aħħar hemm li jsir care plan għal kull persuna li tfittex l-għajnuna ta’ din l-aġenzija, tingħatalhom għajnuna psikoloġika, jekk ikun hemm bżonn persuni mill-istess aġenzija jakkumpanjaw lill-vittmi meta jkollhom is-seduti fil-Qorti u jkun hemm ukoll avukat/i li jassistu u jagħtu pariri lill-vittmi. 

Apparti minn hekk, tingħata informazzjoni lill-vittmi li sa issa ma tingħatalhomx pereżempju x’ġara mill-aggressuri u jekk joħorġu barra hux se jiltaqa’ miegħu/magħha, jekk weħlitx il-ħabs u jekk tkunx skontatx il-piena ta’ priġunerija. 

Il-Ministru Camilleri sostna li bħala Gvern nemmnu bis-sħiħ li l-vittmi ta’ kriminalità jixraqilhom jingħataw l-assistenza kollha possibbli biex f’dan il-mument diffiċli ta’ ħajjithom jirċievu l-għajnuna kollha possibbli biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom. 

Huwa fakkar kif fl-2015 il-Parlament kien approva l-Att dwar il-Vittmi ta’ Kriminalità. Dan filwaqt li twaqqaf il-Victim Support Unit fi ħdan il-Korp u fi ħdan id-Dipartiment tal-Probation and Parole beda jingħata servizz fejn beda jkun hemm medjazzjoni bejn il-vittmi u l-qraba tagħhom anke mal-persuna li twettqet reat fil-konfront tagħhom u tal-familji tagħhom.

“Meta jkollok vittmi ta’ kriminalità jeħtieġ li l-istat u aħna flimkien nagħtu l-aqwa għajnuna u assistenza biex f’dan il-mument ta’ sfida jsibu spalla li jistgħu jserrħu fuqha,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Share With: