Matul il-pandemija ħadd mill-ħaddiema ta’ David’s Bakery ma tilef xogħlu

Waqt żjara għand David’s Bakery, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nnota s-suċċess li kisbet din il-kumpanija li rnexxielha mhux biss tilqa’ għall-isfidi matul is-snin imma kompliet tesplora orizzonti ġodda, tkabbar l-operat u llum il-prodotti tagħhom mhux biss jinbigħu fis-suq lokali imma jiġu esportati barra minn xtutna.

Matul l-aħħar 29 sena, kemm ilha topera l-kumpanija David’s Bakery, kompliet tespandi u llum il-ġurnata, dan in-negozju tal-familja, jimpjega miegħu 55 ħaddiem.

Il-Ministru Camilleri qal li, “Din kienet kumpanija li fil-pandemija żammet il-ħaddiema u baqgħet għaddejja bl-operat tagħha. Huma kumpaniji bħal David’s Bakery, li jħaddnu viżjoni u li jemmnu bis-sħiħ fil-prodotti tagħhom li jibqgħu joħolqu aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.” Kienu kumpaniji bħal din, li investew u li għenu, biex anke fi żminijiet ta’ pandemija jissaħħaħ il-qasam tax-xogħol f’Għawdex, hekk kif disgħin fil-mija (90%) tal-Għawdxin li tilfu xogħolhom waqt il-pandemija, reġgħu bdew jaħdmu, qal il-ministru.

Il-ministru żied li dan il-gvern jemmen bis-sħiħ fin-negozji u jappoġġa, bil-fatti, lill-kumpaniji u lill-ħaddiema f’pajjiżna. F’mument fejn id-dinja ffaċċjat pandemija, il-ħaddiema Għawdxin u Maltin sabu kenn mill-Gvern Laburista. Kompla jgħid li d-deċiżjonijiet għaqlin ta’ dan il-gvern, immexxi minn Robert Abela, salvaw 100,000 impjieg, f’sena ta’ sfidi bla preċedent u huwa għalhekk li fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, pajjiżna jista’ jiftaħar li fil-mument tal-prova poġġa x-xogħol tal-ħaddiema bħala prijorità. Dan billi sostna lill-intrapriżi u lin-negozji f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

Il-Ministru għal Għawdex sostna li dan il-gvern ipproteġa s-saħħa tal-poplu kollu filwaqt li kompla jinvesti fil-ħaddiema. Bil-wage supplement salva x-xogħol u investa l-miljuni biex ħares lin-negozji. F’pandemija, qassam il-ġid fost kulħadd u ħares il-kwalità tal-ħajja tal-familji.

B’investiment ta’ miljuni f’wage supplement, il-kumpaniji milquta mill-pandemija u mir-restrizzjonijiet li ġabet magħha setgħu jkomplu jħaddmu n-nies. L-għajnuna tal-gvern fejn jidħol wage supplement u benefiċċji relatati mal-COVID laħqu lil madwar 100,000 impjegat, nofs l-impjegati kollha fis-settur privat. L-iskema Maltija tispikka ħdejn pajjiżi oħra għax tipproteġi b’mod komplet id-dħul ta’ ħaddiema bl-aktar dħul baxx.

Il-ministru qal li bosta negozji fi gżiritna għandhom sentiment pożittiv ħafna u jħarsu lejn din il-viżjoni sostennibli bħala waħda ideali li se tgħolli u ssaħħaħ il-livelli ta’ bosta oqsma f’Għawdex. Bħala Ministru għal Għawdex, wiegħed lin-negozji u lill-kumpaniji bbażati f’Għawdex li se jibqgħu jsibuh ta’ spalla kull meta jkun hemm bżonn.

Min-naħa tiegħu, is-sid David Mercieca rringrazzja lill-familja tiegħu li kienet dejjem ta’ spalla matul is-snin u lill-Ministru Camilleri tal-għajnuna tiegħu. Huwa qal li minkejja d-diffikultajiet li sabu minħabba l-pandemija, ħadd mill-ħaddiema ma tilef l-impjieg.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kkonkluda li dan huwa gvern tan-nies, qatt ma jħalli lill-familji u lin-negozji waħedhom u se jibqa’ jaħdem biex isaħħaħ lill-ħaddiem. Ma’ dan il-gvern, il-poplu jaf fejn qiegħed.

Share With: