Manchester United u Chelsea jsegwu lil Sergio Aguero

Manchester United u Chelsea huma tnejn minn ħames clubs interessati li jiffirmaw lil Sergio Aguero meta jitlaq lil Manchester City fl-aħħar tal-istaġun.

It-Tnejn l-internazzjonali Arġentin ħabbar li se jtemm l-esperjenza tiegħu ta’ għaxar snin fl-Etihad Stadium meta l-kuntratt tiegħu jiskadi f’Ġunju.

Aguero se jħalli lis-Citizens bħala l-aqwa skorer ta’ kull żmien ta’ Man City, u r-raba’ l-aqwa skorer fl-istorja tal-Premier League, b’sitt goals inqas minn Andy Cole fit-tielet post.

Il-player ta’ 32 sena għadu jista’ jibqa’ jilgħab fil-Premier League hekk kif Man United u Chelsea qed iħejju offerti sostanzjali għalih.

Iż-żewġ clubs qegħdin fis-suq għal attakkant, b’Erling Braut Haaland ta’ Borussia Dortmund marbut ħafna mat-tnejn li huma, iżda huwa sostnut li qed iqisu lil Aguero bħala alternattiva ideali.

Inter, Barcelona u Paris Saint-Germain, fejn il-kompatrijott ta’ Aguero Mauricio Pochettino huwa responsabbli bħala coach, huma wkoll interessati fil-firma tal-ex stilla ta’ Atletico Madrid.

Share With: