Malta bl-akbar żieda fin-numru ta’ priġunieri fl-Ewropa

Malta hija waħda minn żewġ pajjiżi bl-ogħla rata ta’ inkarċerazzjoni fi kważi 50 pajjiż Ewropew bejn l-2019 u l-2020. Dan joħroġ minn rapport ippubblikat mill-Kunsill tal-Ewropa.

Ir-rapport jinkludi statistika minn fost 47 pajjiż għas-sena 2020, liema statistika tindika żieda ta’ 15.2% fir-rata ta’ inkarċerazzjoni, li hija maħduma abbażi tal-popolazzjoni, matul il-perjodu inkwistjoni. B’793 priġunier fl-2020, Malta għandha rata ta’ 154.1 priġunier għal kull 100,000 persuna. Dan huwa ferm ogħla mill-medja Ewropea ta’ 116.7.

Din ir-rata tindika wkoll żieda sinjifikanti mir-rata reġistrata fl-2012, meta dak iż-żmien kien hemm 149 priġunier għal kull 100,000 persuna. Din ir-rata kompliet tonqos biex laħħqet ir-rata ta’ 107 priġunier għal kull 100,000 persuna fl-2019. Kien il-Liechtenstein biss li rreġistra rata simili għal dik ta’ Malta.

Intant ir-rapport jindika li r-rata ta’ inkarċerazzjoni f’Ċipru żdiedet bi 13% filwaqt li dik tal-Iżlanda rat tkabbir ta’ 11.7%.

Matul l-2020 ir-rata medja Ewropea irreġistrat tnaqqis żgħir, biex kompla jsaħħaħ ix-xejra mibdija fl-2013.

Dawk il-faċilitajiet korrettivi bl-inqas numru ta’ priġunieri huma ta’ Monaco u l-Liechtenstein, bi 13 u 14-il priġunier rispettivament.

Share With: