“Ma rrid li jkun hemm ħadd li jpoġġi f’riskju s-saħħa ta’ ħaddieħor”

Muhammet Mustafa Aslan, Tork ta’ 35 sena, baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li kellu fil-pussess tiegħu ċertifikat falz tal-Covid-19.

L-Ispettur Christian Abela spjega li llum, għall-ħabta tad-9.00 a.m., irċieva telefonata mill-Għassa tal-Pulizja tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn ġie infurmat li kien hemm persuna li kienet fil-pussess ta’ ċertifikat falz tal-Covid-19.

Qal li mill-verifiki li għamlu l-Pulizija, inkluż mat-Turkish Airlines u anke fl-Isptar San Tumas, ġie kkonfermat li ma kien sar l-ebda test. L-imputat ittieħed l-Isptar Boffa għal swab test u rriżulta negattiv. 

L-Ispettur Abela qal li l-imputat ikkopera mal-pulizija u kien qalilhom li dak li għamel għamlu għax ommu ma tiflaħx u xtaq imur ħdejha. Min-naħa tiegħu, l-ispettur spjegalu li dan ma kellux isir għax li kieku nstab li kien pożittiv, seta’ marrad ħafna aktar persuni. 

II-Maġistrat Joseph Mifsud sostna li dan huwa każ serju ħafna. “Kulħadd jinsab taħt assedju minħabba l-Covid-19. Il-miżuri kollha għandhom jiġu segwiti. Ma rridx li xi ħadd jagħmel xi ħaġa li jpoġġi fil-periklu l-ħajja jew is-saħħa tan-nies f’Malta.”

“Kulħadd għandu jsegwi r-regoli. Qiegħda tkun frekwenti din li jkun hemm dokumenti foloz b’rabta mat-testijiet tal-Covid-19. Dan mhux tollerabbli. Naf li hemm persuni li qed ibatu f’Malta. In-negozji, in-nies rikoverati fl-isptarijiet, il-frontliners ukoll qed ibatu,” qal il-Maġistrat Mifsud.

L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh u baqa’ jinżamm arrestat wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Abela. L-Avukat Kathleen Grima dehret għall-imputat.

Share With: