“Lill-poplu rridu nagħtuh l-għodod biex jgħinna mmexxu lill-pajjiż ’il quddiem” – Ray Abela

Minn Cristian Micallef, Ritratti u filmati: ALAN SALIBA

Ray Abela, isem sinonimu mad-dinja tat-teknoloġija u l-informatika f’pajjiżna u li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss se tkun kandidat f’isem il-PL fuq it-tielet distrett (Iż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaskala u Marsaxlokk).

Malta għaddejja minn sfidi bħal pajjiżi oħrajn madwar id-dinja, anke fid-dawl tal-pandemija tal-Covid-19. L-aktar milqut fost l-oħrajn huwa s-settur turistiku, u s-settur tal-gaming b’bosta jgħidu li dan tal-aħħar m’għadux daqstant attraenti daqs kemm kien ftit tas-snin ilu. Kif tħoss li Malta tista’ tilqa’ għal dawn l-isfidi?

Nemmen li Malta kienet u għadha waħda mill-aktar pajjiżi innovattivi fl-Ewropa. Minbarra x-xemx, il-baħar u l-klima ħafifa tagħna, l-assi importanti l-ieħor tagħna huwa l-livell edukattiv tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Nemmen bis-sħiħ fil-kwalità tal-edukazzjoni tagħna li hija pilastru importanti ħafna  għall-benesseri soċjo-ekonomiku tagħna, filwaqt li għandna nkomplu ninvestu u nsusu wara ż-żgħażagħ u t-tfal tagħna u mmexxuhom lejn edukazzjoni innovattiva u futuristika.

L-impenn tagħna bħala pajjiż huwa li ninvestu fil-kapaċitajiet tal-poplu tagħna ħalli b’hekk meta jkollna bżonn ir-riżorsi umani ma jkollniex bżonn li t-tali riżorsi nimpurtawhom minn pajjiżi oħra.

Nemmen bis-sħiħ li l-ewwel u l-aqwa opportunitajiet għandna noħolquhom u nagħtuhom lil ħutna Maltin u Għawdxin.

Għalhekk il-viżjoni tiegħi fil-fatt hija ottimista ħafna u pożittiva.

Aħna bħala nazzjon għandna diġà prospetti għall-bidu tajjeb.

Stabbilixxejna sew istituzzjonijiet bħall-MCAST, l-Università ta’ Malta u anke l-ITS li qed jagħtu importanza kbira lit-teknoloġija diġitali. Għalhekk nemmen li issa li l-infrastruttura edukattiva hija waħda xierqa, l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu hija li fil-prinċipju naħdmu biex ninkludu lil kulħadd f’din ir-rivoluzzjoni diġitali li se twassal għal trasformazzjoni oħra għalina. Diġà qed inħossuha u issa qed taffettwa l-ġenerazzjonijiet tagħna.

L-inklużjoni ta’ kulħadd timplika li għandna niżguraw li kulħadd ikollu l-istess opportunità biex jagħmel użu mill-internet u s-servizzi digitali li qed jinħolqu. Dan ifisser li nagħmlu l-aħjar użu mill-kwalitajiet ta’ kulħadd. Nies differenti jaħsbu, jaġixxu u jitgħallmu b’mod differenti iżda billi ninkludu lil kulħadd u ntejbu l-ħiliet tal-litteriżmu diġitali fin-network soċjali kollu jippermettulna li napprofittaw mill-kapaċitajiet differenti ta’ kulħadd. Irridu nrawmu poplu koerenti ma’ dawn l-istili ġodda ta’ ħajja diġitali.

Nies differenti b’attitudnijiet u abbiltajiet differenti biex iħaddnu kwalunkwe bidla li t-teknoloġiji diġitali se jġibu magħhom.

Għandna nsaħħu l-programmi tal-litteriżmu diġitali tagħna fl-inizjattivi ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja. L-anzjani jistgħu ma jkunux addattati għall-applikazzjonijiet diġitali daqs dawk iżgħar fl-età, iżda għandhom il-maturità tal-ħajja. Dan jagħtihom għarfien ieħor li l-ġenerazzjoni żagħżugħa tista’ ma tarax. Għalhekk se jkollna nies differenti bi kwalitajiet differenti biex jibbenefikaw minn opportunitajiet differenti hekk kif jinqalgħu.

Insaħħu u nsaħħu l-preżenza tagħna mhux biss fl-edukazzjoni iżda wkoll f’intrapriżi diġitali relatati oħra, fis-settur tas-saħħa u nappoġġjaw l-effiċjenza u s-sigurtà tal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħna.

Nemmen ukoll li bil-forza tax-xogħol imħarrġa xierqa u diversifikata se nkunu kapaċi nattiraw aktar investiment barrani iżda mhux biss dan. Nemmen bis-sħiħ li għandna nkunu ppreparati u nippjanaw għal dan il-momentum diġitali.

Aħna akkwistajna, issa huwa ż-żmien li nimbuttaw u nħeġġu l-intraprenditorija – l-industrija diġitali fejn, minflok ma nkunu reattivi għal dak li l-kumpaniji barranin jistennew minna nsiru involuti b’mod attiv. Issa huwa ż-żmien li nappoġġjaw lil dawk in-nies u lill-kumpaniji li huma ‘locally bred’ u li kapaċi joħolqu l-prodotti tagħhom stess, ibigħu l-prodotti tagħhom barra mill-pajjiż.

Malta xi strateġija għandha tadotta biex terġa’ tkun mexxejja f’dawn l-oqsma post-Covid? Malta dejjem kienet meqjusa bħala mexxejja fl-innovazzjoni diġitali. X’inhi l-viżjoni tiegħek dwar dan is-settur. X’inhi l-kompetittività ta’ Malta f’dan is-settur?

Bħala pajjiż, għandna s-setgħa tal-moħħ li nsiru mexxejja dinjija għall-innovazzjoni u dan sempliċiment permezz ta’ viżjoni u mpenn ippjanat u li jkompli jassigura edukazzjoni, investiment u infrastruttura tal-internet effiċjenti ħafna għal kulħadd.

Għalhekk irridu ninvestu f’attitudini tat-tmexxija u nemmnu fina nfusna ħafna aktar f’dan il-qasam. Hekk inkunu qegħdin nixprunaw lejn tmexxija u implimentazzjoni ta’ opportunitajiet mhux skala globali. 

Fir-rigward tal-qasam tal-ospitalità u t-turiżmu għandna nkomplu nsaħħu fuq inizjattivi u partnerships li kellna qabel il-pandemija; filwaqt li nużaw dan iż-żmien biex intejbu is-servizz u l-prodott tagħna. Inkomplu noffru edukazzjoni lill-ħaddiema fis-settur biex ikunu aktar ambaxxaturi tajbin lejn Malta tagħna.

Għandna wkoll inħarsu lejn niċeċ ġodda ta’ turiżmu bħal Turiżmu Reliġjuż, li nemmen bis-sħiħ li Malta hija fost l-aqwa jekk mhux l-aqwa fl-Ewropa fejn jidħlu ċelebrazzjonijiet u organizzazzjonijiet tal-festi. Per eżempju huwa fatt li Spanja hija l-aktar popolari maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, iżda meta tqabbel ma’ dak li jiġi organizzat Malta tasal għall-konklużjoni li Spanja hija ferm inferjuri mil-lat organizzattiv. Għalhekk nemmen bis-sħiħ li din il-kulturà, għandna naqsmuha u noffruha aktar barra minn xtutna.

Bla dubju għandna nkomplu nippromwovu lil pajjiżna bħala destinazzjoni għall-konferenzi – niċċa oħra li nħoss li hija ferm importanti.

Dawn huma l-opportunitajiet u l-ideat ’il quddiem għal Malta tagħna.

X’taħseb dwar is-settur tal-blockchain u l-Intelliġenza Artifiċjali (AI)? Taħseb li dawn is-setturi qed jilħqu l-aspettattivi tal-aspettattiva li nbena dwarhom f’pajjiżna?

Kemm il-Blockchain kif ukoll l-Intelliġenza Artifiċjali huma mera tal-futur.

Il-fatt li t-tnejn huma kliem magħruf sew fi ħdan il-komunità Maltija huwa prova li x-xogħol sar u qed isir fiż-żewġ setturi.

Fir-rigward tal-blockchain għandna diversi negozji ġodda mwaqqfa mill-2017 li nemmen li mexjin ’il quddiem.

Dawn in-negozji l-ġodda diġà qed jipprovdu aċċess faċli u sigur għall-ekonomija diġitali u se jsibu posthom fiċ-ċertifikazzjoni fl-Istituti Maltin, u saħansitra f’dawk internazzjonali.

Is-servizzi tal-blockchain qed joffru kanali ta’ distribuzzjoni innovattivi u jġibu skala mtejba ta’ veloċità tal-blockchain adattata għall-ħtiġijiet tal-lum. Bħalissa qed isibu l-użu tagħhom bħala teknoloġiji ta’ assistenza legali f’diversi industriji u intrapriżi bħaċ-ċertifikazzjoni, u l-assigurazzjonijiet. Madankollu nemmen li m’hemmx limitu u eventwalment dawn is-servizzi jiġu estiżi f’niċeċ oħra f’setturi differenti inkluż fuq l-immaniġġjar u ffrankar tal-enerġija permezz ta’ “tokenising” tal-effiċjenza  fl-enerġija li tista’ tintuża minn kulħadd. Malta qed tinvesti bis-sħiħ biex inkomplu nippromovu aktar il-green energy u kif nistgħu nużaw aktar enerġija alternattiva. Nistgħu nilħqu l-livell ta’ suċċess jekk inkomplu nedukaw lill-poplu tagħna u nagħtuh għodod u inċentivi biex jagħmel dan.

Nemmen li Malta diġà qed tipprepara l-mentalità ’l quddiem kemm fil-livell makro-industrijali kif ukoll f’termini tal-ħaddiema tagħha biex iħaddnu l-Intelliġenza Artifiċjali.   

Fil-bidu tagħha kien hemm tħassib dejjem jikber li l-kompjuterizzazzjoni tista’ twassal għal telf ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u l-impjiegi. Fil-fatt, aħna lkoll nafu li l-kompjuterizzazzjoni tejbet l-ekonomija tagħna u ppermettitilna nikbru u nesploraw orizzonti ġodda. Illum tista’ tippromwovi l-prodotti u s-servizzi tiegħek barra minn xtutna, b’mod globali mingħajr ma fiżikament noħorġu minn pajjiżna. Għalhekk irridu ndakkru aktar dawn l-ideat lejn l-intrapriżi tagħna u nagħtuhom l-inċentivi, l-informazzjoni u l-edukazzjoni kollha biex ikunu aktar innovattivi lejn l-idea ta’ global enterprise u e-commerce, filwaqt li nużaw l-inklużjoni ta’ AI fil-marketing u s-CRM tagħna.

Dawn huma fost l-ideat li għalkemm aħna pajjiż żghir, id-diġitalizzazzjoni hija s-soluzzjoni biex nikkonsolidaw aktar l-approċċ ekonomiku globalizzat tagħna.

Fil-fatt, il-kompjuterizzazzjoni  ħolqot l-ekonomija tas-servizzi u ħolqot bosta opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u karrieri ġodda. Għal darb’oħra nemmen li tgħallimna ħafna minn din l-esperjenza u għandna l-prerekwiżiti t-tajba fis-seħħ biex naħdmu u nikbru fl-ambjenti l-ġodda u eċċitanti li l-AI ser iġġib magħha. Diġà għandna strateġija permanenti dwar l-AI li qed tiddetta t-triq ’il quddiem għal Malta u għalhekk nemmen li iva, ninsabu fit-triq it-tajba biex inħaddnu dan l-iżvilupp innovattiv u nkunu minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni. Żgur li neħtieġu aktar xogħol u tħejjija fis-settur edukattiv biex inħejju lit-tfal bil-prerekwiżiti t-tajba fil-mentalità diġitali.

Żgur illi bħalma ġara fil-passat, l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna se jkunu hemm biex flimkien ninvestu aktar u aktar fir-riżorsi tat-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Dan is-settur żgur ser joħloq domanda kbira għal ħaddiema b’ħiliet ġodda mhux biss fit-tekonoloġija iżda wkoll f’setturi oħra bħas-saħħa. Għalhekk b’impenn irridu ninvestu lejn dan it-tragward globali.

Nixtieq inkunu fuq quddiem nett.

Il-pandemija naqqasil-proċess tal-innovazzjoni diġitali. Xi tħoss li jista’ jsir fiż-żminijiet t’issa fis-settur tal-innovazzjoni diġitali?

Jiena persuna pożittiva u ottimista, u nemmen li kull opportunità mitlufa hija telfa, iżda fl-istess ħin, minn dak li jigri ħażin dejjem nistgħu nitgħallmu.  Għalhekk,  filwaqt li l-pandemija COVID-19 setgħet naqqset l-aspetti speċifiċi fl-isfera diġitali, din ħolqot ukoll opportunitajiet u esperjenzi ġodda għal diversi persuni oħra, u akkwistat l-innovazzjoni diġitali jekk mhux ukoll it-trasformazzjoni diġitali.

Il-mod kif naraha huwa li l-pandemija fil-fatt ħolqot opportunitajiet ġodda li ppermettew li parti usa tal-popolazzjoni tipprova taħdem b’għodod diġitali. Nemmen li dan ġara f’diversi setturi. Dan ippermetta lin-nies  jesperimentaw  b’teknoloġiji ġodda. Dan ippermetta lin-nies jużaw il-midja soċjali b’mod differenti. Għamilhom jirrealizzaw li lil hinn mill-ippostjar tar-ritratti tagħhom stess jistgħu jużaw il-media soċjali biex jitgħallmu jaġixxu b’mod differenti. Huma jaqraw aħbarijiet, ingħataw l-ispazju biex jesprimu u juru l-opinjoni tagħhom biex ikunu jafu nies oħra u saħansitra tejbu l-mod kif jixtru.

Mhux hekk biss iżda rajna aktar nies, speċjalment anzjani, jużaw metodi ġodda biex jikkomunikaw ma’ qrabathom u ħbieb mill-kumdità ta’ darhom u hemm itaffu mid-dwejjaq taċ-ċirkostanzi li ġabet magħha l-pandemija. Anke dakkarna aktar b’mod intensiv u mgħaġġel l-użu ta’ applikazzjonijiet ta’ tagħlim online… mentalità li issa ġiet parti mill-vokabolarju f’ħajjitna.

Fin-negozju ukoll. Laqgħat li qabel kien ikollna noħorgu mill-uffiċċju għalihom, issa qed isiru onlajn. Hekk nagħtu nifs lill-ambjent u nnaqqsu l-carbon footprint.

Inċidentalment, il-ħwienet lokali bdew jesploraw orizzonti ġodda fin-negozju tagħhom. Forsi xi wħud minnhom saħansitra jiddeċiedu li jmorru lil hinn mix-xtut tagħna u dak li beda bħala ħanut żgħir se jsir negozju li jiffjorixxi billi jesporta barra mill-pajjiż.

Miniex qed ngħid li kollox ħadem tajjeb, iżda nemmen li huwa aħjar li tipprova xi ħaġa u tiddeċiedi. In-nies ingħataw l-opportunità li jesperimentaw b’teknoloġiji u applikazzjonijiet ġodda. Rajna wkoll żieda qawwija fil-midja soċjali mill-utenti Maltin pereżempju fuq Instagram, Facebook, TikTok u oħrajn. 

Tgħallima napprezzaw pajjiżna billi ħriġna minn djarna u morna passiġġati. Fil-fatt, hawn rajt l-aktar ritratti sbieħ minn diversi nies fuq il-midja socjali u li jistgħu jbigħu lil Malta lit-turisti saħansitra aħjar.

Miniex qed ngħid li kollox kien perfett, pjuttost aħna lkoll tlifna l-kuntatt uman u soċjali, iżda xorta nemmen li wieħed mill-punti ta’ riferiment f’din il-pandemija hija li aħna tgħallimna nkunu differenti. Affaċċjajna r-realtà  iżda tgħallimna wkoll dwar kif ngħixu u nikbru permezz tal-Internet. Għalhekk, iva, nemmen li rridu nisfruttaw din l-opportunità u ġaladarba n-nies ikunu tgħallmu x’jistgħu jagħmlu bit-teknoloġija diġitali għaliex ma nkunux aktar produttiv fuq livell ta’ ekonomija nazzjonali wkoll?

Għalhekk għal darb’oħra ntenni l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja, u hawnhekk ninkludi lil kulħadd għax inħoss li kulħadd huwa importanti u meħtieġ għall-benefiċċju ta’ pajjiżna.

Għalhekk nemmen li ġaladarba din il-pandemija tkun għaddiet għandna nimbuttaw biex insemmu l-kuxjenza diġitali u nagħmlu lin-nies jirrealizzaw kemm hu importanti li jħossuhom produttivi. Għaliex le? In-nies jistgħu jirrealizzaw li jistgħu wkoll ikunu produttivi minn djarhom ukoll u għalhekk waqt li jivvjaġġaw inqas. Dawn qed inaqqsu t-traffiku filwaqt li jipproduċu inqas. Il-flus iffrankati mill-ivvjaġġar jintużaw biex tingħata spinta lill-ħin liberu mall-familja kif ukoll lin-negozji lokali tagħna.

Dawn huma r-raġunijiet li jimlewni b’kuraġġ għax irnexxielna li minn ħaġa ħażina, dawwarniha f’affarijiet pożittivi. Hekk huwa l-poplu tagħna u għalhekk aħna dejjem nimxu ‘l quddiem.

Fl-elezzjoni ġenerali li jmiss se tkun kandidat f’isem il-PL fuq it-tielet distrett. Xi tħoss li huma l-dawk il-kwistjonijiet bħalissa fuq l-aġenda nazzjonali? X’taħseb li għandu jkun fuq l-aġenda tal-Parlament Malti fis-snin li ġejjin?

Ekonomija li terġa’ tirpilja wara l-COVID-19 u l-poplu jerġa’ jibda l-mixja tal-prosperità. Jonqos il-piż finanzjarju fuq il-Gvern u n-nefqa tal-Gvern tkun verament qed tindirizza aktar dak li hemm bżonn fil-pajjiż mill tikkumbatti ma’ din il-pandemija kif ġara f’din l-aħħar sena.

Kieku ma kellniex il-COVID19, ara kieku dawn il-miljuni kollha li nefaq il-Gvern x’konna nagħmlu bihom. Irrid ngħid li kellna Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela li anke waqt żmien ta’ kriżi baqa’ jsostni lill-poplu, is-saħħa tal-poplu, lis-sidien tal-ħwienet, lill-ħaddiema u lill-ekonomija inġenerali. Dan kien is-suċċess li forsi pajjiżi oħra xtaqu li jagħmlu għall-poplu tagħhom.

Inkomplu ninvestu fl-edukazzjoni matul il-ħajja mhux biss fit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, iżda biex ikollna kontinwità fl-upskilling u r-reskilling tal-ħaddiema tagħna.

Nemmen fl-innovazzjoni u li bħala pajjiż ikollna think tank b’saħħtu biex jassigura li meta jaslu l-invenzjonijiet, aħna nkunu lesti għalihom.

Fir-rigward tal-ambjent, għandna nkomplu naħdmu u nixprunaw innovazzjoni u pjani biex nippromwovu ambjent aħjar għal pajjiżna.

Ninvestu aktar fl-infrastruttura, mhux biss fit-toroq li huwa importanti iżda wkoll biex nagħtu lill-familji Maltin u Għawdxin aktar żvog u spazji miftuħa.

Kemm se jkun importanti l-aspett teknoloġiku fiż-żmien postCovid f’pajjiżna, anke mil-lenti ta’ negozji żgħar li għadhom iffokati fuq ir-retail?

Ninvestu aktar f’upgrading tal-lokalitajiet speċjalment fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Nixtieq nara f’Marsaxlokk u Wied il-Għajn żoni aktar jattiraw turiżmu waqt li lokalitaijiet bħaż-Żejtun u Ħal-Għaxaq napprofittaw mill-beni kulturali li għandhom. Fil-bidu ta’ din l-intervista semmejt l-idea ta’ Turiżmu Reliġjuż. Iż-Żejtun huwa fost l-aqwa fejn tidħol l-organizzazzjoni tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u żgur tista’ tkun fost l-aqwa attrazzjoni internazzjonali li pajjiżna għandu jippromwovi.

Bla dubju, irridu nippromwovu aktar l-attività fiżika fost il-poplu tagħna biex b’hekk innaqqsu l-piż fuq is-saħħa primarja tagħna. Dan għandu jsir billi nkomplu ninvestu fi proġetti sportivi fil-kommunitajiet tagħna u permezz ta’ qafas organizzattiv biex jiġu organizzati diversi attivitajiet sportivi fil-kommunitajiet tagħna.

Għandna nħarsu li l-inklużjoni diġitali ma tillimitax lill-poplu tagħna fil-kumdità ta’ daru, iżda wkoll nippromwovu l-attività u l-benesseri tagħna u tat-tfal tagħna.

Jien li għandi għal qalbi wkoll l-annimali, nixtieq li nkomplu nippromwovu l-idea li l-annimal għandu jkun parti importanti fil-ħajja tagħna. Fl-anzjanità huwa mezz terapewtiku li jkollok annimal li jżommlok il-kumpanija u b’hekk nikkumbattu s-solitudni u l-mard psikoloġiku. Għalhekk, inħoss li huwa importanti li fejn nistgħu ngħinu u nkomplu ninċentivaw nies li jadottaw l-annimali.

Kemm huma importanti t-teknoloġija u l-informatika fid-dinja tal-lum specjalment fl-isfera politika mhux inqas biex il-politiċi jwasslu l-messaġġ tagħhom b’mod innovattiv?

Jien nemmen l-politiku modern, għalkemm għandu juża pjattaformi moderni u diġitali biex jesponi aktar l-aġenda politika tiegħu; xorta huwa importanti li jżomm il-kuntatt fiżiku u personali maċ-ċittadin. Il-polz tal-poplu ma tarahx biss minn quddiem l-iskrin tal-kompjuter imma li tħoss l-emozzjoni tal-familji Maltin u Għawdxin.

Il-kostitwenza trid tħossha f’qalbek u mhux f’moħħok. Li tgħin lin-nies hija virtù naturali u l-ebda kompjuter imqabbad mal-internet ma jista’ jaghtihielek.

Xejn ma jista’ jissostitwixxi din l-esperjenza ta’ kuntatt soċjali u personali – l-ebda intelliġenza artifiċjali u innovazzjoni mhi se tissostitwixxi dan il-ħsieb.

Għalhekk nemmen li għandna nkunu qrib il-poplu aktar minn qatt qabel – biss lill-poplu irridu nagħtuh l-għodod biex jgħinna mmexxu lil pajjiżna ’l quddiem!

Share With: