Laqgħat ta’ konsultazzjoni mas-sajjieda li jipprattikaw is-sajda tal-imrejkba

Il-Ministeru Għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali flimkien mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura u mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ħa l-inizzjattiva biex għall-ewwel darba ser ikunu qed jiġu organizzati laqgħat ta’ konsultazzjoni mas-sajjieda dilettanti li jipprattikaw is-sajda tradizzjonali tal-Imrejkba. 

Il-Ministru Refalo spjega kif “Dawn il-laqgħat se jsiru bil-għan li nipprovdu serħan il-moħħ dwar dan it-tip ta’ sajd. Se nkunu qed nvaraw konsultazzjoni ma’ dawn is-sajjieda sabiex naraw kif nistgħu nipproteġu din is-sajda, b’miri ta’ sostenibbiltà għall-ġenerazzjoni tal-lum kif ukoll dawk futuri. Din it-tip ta’ sajda tradizzjonali ilha tintuża għal għexieren ta’ snin, u għaldaqstant hu neċessarju illi nissalvagwardjaw din it-tradizzjoni tas-sajd li tagħmel parti ukoll mill-identità tagħna. Il-gvern għandu pjan li ser ikun qed jibni flimkien mas-sajjieda li huma interessati. Aħna għandna bżonn inkunu nafu aktar dwar x’inhuma d-diffikultajiet u l-bżonnijiet ta’ dawn is-sajjieda biex b’hekk dan il-pjan ikun fattibbli u li jagħmel sens.’’

“It-tradizzjonijiet tagħna huma parti mill-kultura Maltija u jgħinu jagħtuna l-identità tagħna. L-imrejkba hija prassi li ma tantx għadha popolari. Ser nagħti l-appoġġ u nassisti lill-Ministru Refalo sabiex meta niġu biex nirregolaw dan it-tip ta’ sajd, inkunu qed nissalvagwardjaw l-kultura tagħna,” sostna l-Ministru Herrera.

Id-Direttur tas-Sajd fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura Dr Alicia Said tkellmet dwar l-importanza illi tigi ssalvagwardjata t-tradizzjoni marittima tal-imrejkba, li l-użu tagħha beda għexieren ta’ snin ilu. “Din it-tip ta’ sajda hi l-aktar komuni mas-sajjieda dilettanti li jipprattikaw dan id-delizzju minn diversi postijiet madwar Malta u Ghawdex.” Hi spjegat kif passatempi bħal dawn flimkien ma’ sajd ieħor rikreazzjonali huma importanti sabiex jagħtu ħin ta’ kwalità u rilassament lill-poplu Malti u Għawdxi, specjalment fi żmien ta’ pandemija. Għaldaqstant hu kruċjali illi issir konsultazzjoni, sabiex nisimgħu proposti mis-sajjieda dilettanti interessati, biex finalment nassiguraw li din is-sajda ssir b’mod sostennibli. 

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, sajjied kien qed juri l-imrejkba, magħmula minn qasab u qlugħ fejn numru ta’ snanar illiskati fuq ħarira/lenza li normalment taħdem qisek qed trejjex għall-ħut mill-art. Huwa interessanti illi din it-tip ta’ mrejkba hi bbażata fuq l-enerġija tar-riħ u l-kurrenti, u għaldaqstant hi favur l-ambjent għax ma tinvolvi l-ebda emissjonijiet.

Dawk interessati li jkunu parti minn dawn id-diskussjonijiet għandhom javviċinaw id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura matul ix-xahar ta’ April u Mejju.

Share With: