L-OHSA tinsisti li rapport jista’ jsalva l-ħajjiet f’każ ta’ periklu għal ħaddiema

Għal darba oħra l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) qiegħda ssostni dwar l-importanza li persuna tirraporta xogħol perikoluż l-ewwel u qabel kollox. Dan għandu jsir anke b’mod anonimu fuq 21247677, fuq 99496786 jew b’email fuq ohsa@gov.mt

L-OHSA saħħet l-argument tagħha b’referenza għal filmati li qegħdin iduru fuq il-midja soċjali fejn żewġ ħaddiema f’gaġġa spiċċaw f’periklu wara li falliet is-sistema tal-irfigħ. L-awtorità qalet li min-naħa tagħha ma rċeviet l-ebda rapport u b’hekk mhux biss ma ngħatawx indikazzjoni tal-post, iżda l-istess ħaddiema tħallew f’sitwazzjoni perikoluża.

L-awtorità kompliet tispjega li f’każijiet fejn ikun se jsir xogħol fl-għoli, idealment għandu jintuża mobile elevated working platform. Jekk dan mhux possibbli, is-sistema tal-irfigħ, inkluż il-kontrapiż u l-mutur, għandha tkun iddisinjata u mmanifatturata biex tiflaħ il-piż kollu tal gaġġa, tal-ħaddiema, tal-għodda u materjal ieħor. Is-sistema tal-irfigħ, il-gaġġa u slings iridu jkun eżaminati u ċċertifikati minn persuna kompetenti. Barra minn dan, għandu jintlibes safety harness imqabbad ma’ anchor point sikur u separat mis-sistema tal-irfigħ. Trid issir ukoll evalwazzjoni tar-riskju minn persuna kompetenti li tinkludi, fost oħrajn, mezzi ta’evakwazzjoni u komunikazzjoni u l-użu ta’ safety harness. 

Share With: