L-isem tad-Ditta

Miktub minn Benny Borg Bonello

L-isem tad-Ditta (brand name), hu importanti għall-konsumaturi.  Dan ħareġ minn ħafna surveys li saru f’Malta u f’pajjiżi oħra.  Ir-raġuni hi li għall-konsumatur, l-isem tad-ditta li tkun ħadmet il-prodott jindikalha l-kwalita’.  Il-kwalita’ tal-prodott hi importanti għaliex il-konsumatur la jkun ħallas flus tajba jistenna prodott tajjeb.  Biss barra l-kwalita’ l-isem tad-ditta fis-soċjetajiet moderni jindika wkoll l-istatus tal-persuna.  Aktar ma tkun ditta popolari, aktar tagħti status lill-konsumaturi.

Hu għalhekk li ħafna nies jixtru oġġetti ta’ ċertu ditti minkejja li ħafna drabi jistgħu jixtru prodott ta’ kumpanija oħra, li minkejja li l-prezz ikun ħafna orħos, il-kwalita’ tkun tajba daqs l-oħra.  

Illum trid toqgħod attent mill-isem tal-kumpanija.  Ir-raġuni hi li llum għandek kumpaniji li ma baqgħux jaħdmu l-prodott huma, iżda jqabbdu kumpanija oħra li tkun tispeċjalizza fil-manifattura.  

F’ċirkostanzi bħal dawn, il-kwalita’ ma tiddependix fuq il-kumpanija li l-prodott iġib l-isem tagħha.  Il-kwalita’ tiddependi fuq ir-relazzjoni li jkun hemm bejn il-kumpanija li l-prodott iġib l-isem tagħha u l-kumpanija li tipproduċi l-prodott.  

Il-konsumatur tajjeb li jkun jaf li hemm żewġ tipi ta’ relazzjoni bejn dawn il-kumpaniji.  Relazzjoni minnhom hi dik li hi magħrufa bħala ‘franchize’.  Hawn ħafna drabi l-kumpanija li l-prodott iġib l-isem tagħha tkun il-kumpanija li tkun iddisinjat il-prodott u tkun tat dan id-disinn lill-kumpanija li timmanifattura l-affarijiet.  Hawn il-kumpanija li timmanifattura tkun marbuta li trid tipproduċi l-prodott skont kif tgħidilha l-kumpanija l-oħra.  Meta jsir hekk il-konsumatur ma tantx imur imqarraq meta jorbot il-kwalita’ tal-prodott mal-isem tal-kumpanija

Id-differenza, għalkemm mhux dejjem, toħroġ meta r-relazzjoni bejn il-kumpanija tal-brand name u l-kumpanija li timmanifattura l-prodott tkun taħt ‘licence’.  Hawn l-unika relazzjoni li jkun hemm bejn iż-żewġ kumpaniji hi biss li l-kumpanija li tkun qed timmanifattura l-prodott ikollha l-permess li tuża l-isem tal-kumpanija l-oħra.  Id-disinn u l-kwalita’ tiġi deċiża mill-kumpanija li timmanifattura l-prodott.  Il-kumpanija li tkun qed tagħti l-brand name ma tindaħalx la fid-disinn u lanqas fil-kwalita’.

Għalfejn qed insemmi dan?  Ir-raġuni hi li dan l-aħħar l-Għaqda tal-Konsumaturi kellha każ fejn persuna xtrat magna tal-ħasil (washing machine) li l-brand name tagħha kien ta’ kumpanija Ġermaniża magħrufa.  Din il-magna tal-ħasil wara xi sena ġratilha l-ħsara.  Marilha l-ispider.  Dan il-konsumatur mar mingħand min xtraha u qallu biex isewwiha peress li kienet għadha taħt il-garanzija.  Tal-ħanut qallu li l-ispider marret minħabba is-sapun u għalhekk ma taqax taħt il-garanzija! Ir-raġuni hi waħda assurda għaliex kif tista’ tuża washing machine mingħajr sapun.  

Waħda mill-affarijiet hi li din turi il-faqar ta’ garanzija kummerċjali.  Hu għalhekk li dejjem ngħidu lill-konsumaturi biex meta jkun hemm garanzija fuq oġġett li jixtru għandhom jitolbu din il-garanzija bil-miktub qabel ma jixtru l-oġġett.  Importanti li jaqrawha qabel biex ikunu jafu f’hiex tikkonsisti din il-garanzija.

Il-konsumatur kiteb ukoll lid-ditta, il-Ġermanja u ma kellux tweġiba.  Wara kitbet l-Għaqda tal-Konsumaturi u hemm kellna tweġiba li l-magna hi manifatturata minn ditta oħra fit-Turkija.  Infurmatna wkoll li r-relazzjoni tagħha ma’ din id-ditta hi ta’ Liċenzja u għalhekk hi ma tistax tindaħal.  L-Għaqda kitbet lill-kumpanija Torka u sintendi għadna mingħajr tweġiba.  Erġajna ktibna lill-kumpanija Ġermaniża u jekk mhux ser ikollna tweġiba nġibuhom fuq is-site tagħna.  

L-ispagetti aħjar mill-frejjeġ!

Naħseb kulħadd jemmen dan.  Kulħadd jippreferi li jiekol platt spagetti msajjar tajjeb milli froġa jew maħruqa jew nofsha msajra.  U għalhekk qbajt skantat bil-kummenti li saru fuq min ħareġ bl-idea li l-junction tal-Marsa hi kobba spagetti.  Ir-raġuni hi li min ħareġ b’din il-frażi mingħajr ma ttenda, hu stess ittenda li dan il-proġett hu ħafna aħjar minn dak li kien isajjar hu. 

Issemmiet biss il-froġa tal-Arriva.  Froġa tinten sew għaliex kulħadd jiftakar mhux biss il-karozzi iżda anki r-rotot li kienu ħolqu.  Min kien juża tal-Linja jiftakar li f’ħafna postijiet kellna sitwazzjoni li biex tasal il-Belt, kont jew bilfors trid tirkeb żewġ karozzi jew inkella kont trid iddur nofs Malta qabel ma tasal.  Dan barra l-fatt l-unfair practices li kien hemm fil-kundizzjonijiet.  Waħda minnhom kienet li l-biljett kien idum biss siegħa u nofs.  Dan kien ifisser li jekk int kont tkun f’nofs vjaġġ meta jgħaddu s-siegħa u nofs, kellek l-obbligu li terġa’ tħallas.  Niftakru wkoll kif kienu għolew il-prezzijiet taħt l-iskuża li meta daħlet l-Arriva s-servizz ser ikun ta’ l-ogħla kwalita’.  

Din hi biss froġa waħda.  Ma rridux ninsew li meta jkollok il-kariga ta’ Chief of Staff ta’ Ministeru int tkun responsabbli mill-affarijiet kollha tal-Ministeru.  U hawn f’daqqa waħda tibda tiftakar fil-frejjeġ l-oħra.  Ftit għadhom jiftakru fuq Smart City u l-għan prinċipali ta’ dan il-proġett.  L-iskop tiegħu, u għalhekk semmewha Smart City, kien li din ser issir ċentru fejn il-kumpaniji tal-IT internazzjonali kellhom jiftħu hemm.  Smart City kellha tkun kompetitur qawwi għal Silicon Valley tal-Amerka!  Mhux hekk biss, iżda kellhom jinħolqu madwar 7000 impieg fis-settur tat-teknoloġija diġitali.  Min dan ma ġara xejn għax fl-2013 meta spiċċat l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista Smart City kienet għadha vojta.  Bħal ma ktibt, ic-Chief of Staff tal-Ministeru hu responsabbli li jara l-affarijiet imwiegħda mill-gvern tal-ġurnata jitwettqu.  

Hu għalhekk li sewwa jgħid il-Malti – biex tiskonġra trid tkun pur.

Monument 

Il-junction tal-Marsa ġiet deskritta bħala monument.  Personalment hi ħafna aktar minn monument għax ġeneralment monument hu xi ħaġa li jfakkarna fil-passat.  Il-junction tal-Marsa hi sistema li qed tagħmel it-traffiku lejn u l-barra n-nofsinhar ta’ Malta ħafna aktar faċli.  Tant saret faċli li nsejna kif kien ikun it-traffiku qabel.  Insejna li kont trid iddum aktar minn nofs siegħa biex tgħaddi mill-Marsa.  U dan meta kollox kien ikun sew għaliex jew meta kien jinqala’ xi inċident jew meta kienet tagħmel ħafna xita, kont trid iddum aktar minn siegħa.  

Hi ħasra li nsejna għaliex tlifna ħafna mis-sinifikat ta’ din il-junction.  Oġġett li tlifna hi li dan kien pass li lanqas biss kien jidħol fl-immaġinazzjoni ta’ ħafna nies.  Junction bħal dik hi xi ħaġa ta’ barra minn Malta.  Din hi xi ħaġa ta’ importanza għaliex hi oġġett li wessgħatilna l-immaġinazzjoni tagħna mingħajr ma nafu.  Is-suċċess tagħha  wrietna li l-affarijiet li konna naħsbu li huma impossibbli għal Malta issa saru possibbli.

It-tieni sinifikat hu li meta rridu nafu nagħmlu l-affarijiet b’mod effiċjenti.  Żewġ affarijiet li kienu l-karatteristiċi ta’ kull biċċa xogħol li kienet issir mis-settur pubbliku kienu li nafu meta nbdew u qatt ma nkunu nafu meta ser jitlestew u t-tieni karatteristika hi li dejjem l-ispiża kienet tisplodi.  Karatteristiċi li għadna sal-lum nassoċjawhom mal-qrati tagħna – taf biss meta tidħol iżda qatt ma taf meta ser toħroġ u kemm ser tkun l-ispiża.  Karatteristiċi li sfortunatament hemm ser jibqgħu speċjalment issa li qed inbegħdu l-gvern minn din ir-responsabbilta’ biex naqdu s-saltna tad-dritt!

Dan il-proġett tlesta fil-ħin u tlesta wkoll skont il-budget li kellu.  Żewġ affarijiet li konna bdejna narawhom meta dan il-gvern lesta l-Kappara junction.  Dan għaliex dan il-proġett kien wieħed minn tal-ewwel li tlesta fil-ħin u bil-budget li kellu.

Sfortunatament il-poplu Malti li jagħti kas hu biss meta ser jispiċċa minħabba l-inkonvenjenza, li konna mdorrijin biha, li joħolqu dawn il-proġetti.  Imma anki hawn speċjalment dan il-proġett ma ħoloqx inkonvenjenza aktar ma kien hemm qabel.  Mhux talli hekk talli l-inkonvenjenza bdiet tonqos mal-ewwel speċjalment meta kienet titlesta xi parti minnu.  Ir-raġuni hi li din kienet tibda tintuża mal-ewwel.  

Dawn huma karatteristiċi li jikkuntrastaw sew mal-bini tal-isptar Mater Dei.  Kulħadd jaf kemm kien dam biex jitlesta u kif kien sploda l-budget li kien ippjanat.  Mhux talli hekk talli l-materjal li ntuża għal dan l-isptar ma kienx kif suppost.  Biex tgħaxxaqha l-gvern ta’ Gonzi mhux talli ma fittix il-kumpanija li bniet l-isptar talli kien  intlaħaq ftehim magħha li l-gvern mhux ser ifittixha għall-ebda nuqqas.  Ara hemm tar-Reppubblika ma talbux investigazzjoni.

Ma tistagħġibx, għaliex dawn kienu kollha jagħmlu parti mill-gvern ta’ Gonzi – l-agħar gvern li qatt kellha Malta.

Share With: