“L-immigranti insistew li riedu jkomplu l-vjaġġ tagħhom… iddaħħlu l-Italja” – L-AFM

B’referenza għal rapporti u allegazzjonijiet rigward l-immigranti li tħallew abbandunati fiż-żona ta’ tfittxija u salvataġġ tal-ibħra Maltin, il-Forzi Armati ta’ Malta kkonfermat li l-immigranti ddaħħlu l-Italja xi sigħat wara li allegatament tħallew f’nofs ta’ baħar.

Fi stqarrija maħruġa fl-aħħar ħin, l-Armata qalet li tmexxi l-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ skont il-konvenzjonijiet internazzjonali u ma jfissirx li għax ikun hemm dgħajsa bl-immigranti fil-baħar ifisser li jkunu fil-periklu.

Hija żiedet li ssegwi kull każ u kuntrarjament għall-allegazzjonijiet li saru kienu l-immigranti li insistew li jkomplu sejrin lejn id-destinazzjoni li kellhom pjanata.

L-Armata ppubblikat ukoll ritratt li fih tidher id-dgħajsa bl-immigranti li kien allegat li tħallew għal riħhom f’nofs ta’ baħar. Jidher ċar li din kienet b’żewġ muturi fuq n-naħa ta wara u insistiet li dan juri li ma kinitx mitluqa għal riħha jew f’periklu li tegħreq.

Il-Forzi Armati ta’ Malta esprimiet ukoll id-dispjaċir li din ma kinitx l-ewwel darba li għaqdiet mhux governattivi għamlu allegazzjonijiet foloz fil-konfront tagħha. 

L-istqarrija temmet tgħid li dan it-tixrid ta’ informazzjoni skorretta joħloq tħassib fost il-pubbliku inġenerali kif ukoll jista’ jwassal għal użu ta’ riżorsi nazzjonali li jistgħu jintużaw f’każijiet li fihom verament ikun hemm immigranti fil-periklu u li jkollhom bżonn assistenza.

Share With: