Kważi 70% tal-Maltin jemmnu li l-vaċċin huwa l-uniku metodu li kapaċi jtemm il-pandemija

Fl-aħħar rapport tal-Ewrobarometru rriżulta li għal darb’oħra, dawk li wieġbu f’Malta x’aktarx li jkollhom perċezzjonijiet aktar pożittivi dwar l-Unjoni Ewropea meta kkumparati ma’ dawk f’pajjiżi oħrajn. F’xejra li hija viżibbli fl- UE kollha, l-immaġni pożittiva li hija evokata mill-Unjoni Ewropea żdiedet b’25% fost dawk li wieġbu f’Malta, l-ogħla żieda rreġistrata fost is-27 Stat Membru. 

Il-perċezzjoni pożittiva hija msaħħa mit-tweġibiet għal diversi mistoqsijiet, bħas-sitwazzjoni attwali tal-ekonomija tal-UE, jekk l-affarijiet humiex sejrin fid-direzzjoni t-tajba, il-valuri Ewropej u l-elementi li l-aktar joħolqu sens ta’ komunità fost iċ-ċittadini tal- UE. 

Ta’ min jinnota li l-perċezzjonijiet dwar l- UE ta’ persuni taħt l-40 sena huma ġeneralment aktar pożittivi minn dawk li għandhom aktar minn 40 sena. 

Barra minn hekk, 71% tar-rispondenti jaqblu li l-futur ta’ Malta jidher li huwa fl-UE u 81% ta’ dawk li wieġbu f’Malta jħossuhom ċittadini tal- Unjoni Ewropea.

Ir-rispondenti Maltin huma ġeneralment pożittivi dwar il-mod kif ġiet indirizzata l-pandemija kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fuq dak Ewropew.

68% tar-rispondenti Maltin jaqblu li l-vaċċin huwa l-uniku mod biex tintemm il-pandemija, filwaqt li 87% iħossu li l-Unjoni Ewropea qed taqdi rwol ewlieni sabiex tassigura li jkun hemm aċċess għall-vaċċini f’Malta. 

Skont ir-rapport l-istaff mediku u tas-saħħa huma bil-bosta fdati kemm f’Malta kif ukoll fl-UE b’mod inġenerali.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru sar bejn it-12 ta’ Frar 2021 sal-10 ta’ Marzu 2021 fejn b’kollox saru 535 intervista ma’ residenti f’Malta, li għandhom 15-il sena u aktar. 

Ir-rapport sħiħ jinsab fuq: https://europa.eu/eurobarometer/surveys/detail/2355

Share With: