Kumitat Eżekuttiv MFA – Possibbiltá li l-Kampjonat Premier ikun kompost minn 12-il team fl-istaġun li ġej?

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA iltaqa’ għat-tieni darba f’temp ta’ erbat ijiem biex jiddiskuti l-format tal-kampjonati nazzjonali tal-football għall-istaġun 2021-22. 

Il-laqgħa tmexxiet mill-president tal-Assoċjazzjoni, Bjorn Vassallo, li beda biex fakkar li l-kompożizzjoni tal-kampjonati matul l-istaġun 2020-21 diġà ma kinitx waħda regolari minħabba forza maġġuri u li s-supremazija li rridu nħaddnu trid tkun iddettata mir-regolamenti. 

Huwa enfasizza li l-MFA għandha l-obbligu li tassigura li r-regolamenti jiġu osservati biex tkun issalvagwardjata t-trasparenza u appella lill-membri tal-kumitat eżekuttiv biex ikunu konsistenti kemm f’dak li jaħ­sbu kif ukoll f’dak li jiddeċiedu.

Matul il-laqgħa, is-segretarju ġenerali tal-MFA, Angelo Chetcuti, qara diversi ittri mibgħuta mill-clubs li esprimew il-fehmiet tagħhom dwar il-kompożizzjoni tal-Kampjonat Premier u taċ-Challenge League għall-istaġun 2021-22. 

Kien hemm clubs li allegaw li d-deċiżjonijiet tal-kumitat eżekuttiv fl-aħħar laqgħa kienu ta’ natura illegali, filwaqt li fl-ittra tagħhom Lija Athletic sostnew li l-emenda li ġiet applikata biex sfaw relegati ma tħaddmitx fit-totalità tagħha ladarba l-play-off ma setgħetx tintlagħab. 

Kien hemm ukoll appell mill-iStanding Committee tal-football tan-nisa biex jingħata t-titlu ta’ champions lil Birkirkara u tal­biet mill-clubs ta’ Għargħur u Kalkara United biex il-klassifika tal-Kampjonat Youths Sezzjoni D tittieħed bħala waħda finali u mhux abbandunata mingħajr eżitu.

Il-president, Bjorn Vassallo, wieġeb għall-argumenti kollha mressqa mill-clubs li b’xi mod jew ieħor ġew affettwati mit- tmiem ħesrem tal-kampjonati nazzjonali, nhar l-Erbgħa, 10 ta’ Marzu, minħabba l-Avviż Legali li pprojbixxa sport organizzat jew li jitkomplew kompetizzjonijiet sportivi. 

Huwa kellu kliem ta’ kritika għal kulmin qabad l-artikli tal-istatut tal-MFA f’iżolaz­zjoni u fakkar lil dawk preżenti li r-regolamenti jridu jiġu applikati fl-intier tagħhom.

Bi qbil unanimu, il-kumitat eżekuttiv tal-MFA approva għadd ta’ proposti li jara l-Kampjonat Premier ikun kompost minn 12-il team u li fl-ewwel fażi tiegħu jintlagħab fuq żewġ rounds. 

Fit-tieni fażi, l-ewwel sitt timijiet jilagħbu round wieħed għar-rebħ tal-kampjonat filwaqt li s-sitt timijiet l-oħra jilagħbu round wieħed biex jevitaw ir-relegazzjoni.  L-aħħar żewġ timijiet jiġu relegati awtomatikament, filwaqt li dak it-team klassifikat it-tielet mill-aħħar jilgħab play-off kontra team miċ-Challenge League.  Dan ifisser li l-ammont ta’ partiti għal kull team fil-Kampjonat Premier se jkun ta’ 27 partita, filwaqt li l-ammont globali fl-ogħla diviżjoni ser ikun ta’ 162 partita, 78 logħba anqas minn dak skedat għall-istaġun li għadu kemm intemm.

Il-proposta għall-format taċ-Challenge League fl-istaġun 2021-22 tara kampjonat bi 22 team maqsumin f’żewġ sezzjonijiet ta’ 11-il club kull waħda. 

It-timijiet li jtemmu l-impenji tagħhom fl-ewwel żewġ postijiet f’kull sezzjoni jiġu promossi awtomatikament, filwaqt li r-rebbieħ tal-play-off bejn dawk it-timijiet li jispiċċaw fit-tielet post fiż-żewġ sezzjoni­jiet rispettivi jilagħbu play-off deċiżiva għal post fl-ogħla diviżjoni kontra t-team li jispiċċa t-tielet mill-aħħar fil-Kampjonat Premier. 

Tliet timijiet minn kull sezzjoni, sitta b’kollox, jiġu relegati għan-National Amateur League. 

Kull team fiċ-Challenge League se jkun qed jilgħab 20 partita, filwaqt li l-ammont totali f’din id-diviżjoni ser ikun ta’ 222 partita, 12-il partita aktar minn dak skedat fl-istaġun li għadda.

Tressqet ukoll proposta li d-19-il team fin-National Amateur League jinqasmu fi tliet sezzjonijiet ta’ sitta, sitta u seba’ timi­jiet rispettivament u l-kampjonat jintlagħab fuq tliet rounds. 

B’hekk il-clubs fi grupp ta’ sitt timijiet jilagħbu 15-il partita kull wieħed, filwaqt dawk il-clubs fi grupp ta’ seba’ timijiet jilagħbu total ta’ 18-il partita. 

B’dan il-format it-tliet timijiet li jtemmu l-impenji tagħhom fl-ewwel pożizzjoni ta’ kull sezzjoni jkunu promossi għaċ-Challenge League, filwaqt li jilagħbu kontra xulxin biex jiġi dikjarat iċ-champion ta’ din id-diviżjoni. 

Isiru wkoll play-offs bejn it-tliet timi- jiet li jispiċċaw fit-tieni post u l-aħjar team mit-tlieta li jtemmu l-impenji tagħhom fit-tielet pożizzjoni biex ikun determinat ir-raba’ team promoss.

In-numru ta’ partiti fin-National Amateur League għalhekk ser ikun jammonta għal 164 partita, 57 anqas minn dawk li ntlagħbu matul l-istaġun 2020-21.

Laqgħa oħra tal-kumitat eżekuttiv tal-MFA ser issir, nhar il-Ħamis 29 ta’ April, u sadanittant l-Assoċjazzjoni ser tkun qiegħda tilqa’ proposti alternattivi għall-format tal-kampjonati nazzjonali sal-Ħadd, 25 ta’ April. 

Wara din il-laqgħa l-proposti finali jitressqu quddiem il-Kunsill tal-MFA, filwaqt li l-Laqgħa Ġenerali Annwali jew jekk issir waħda Straordinarja tirratifika l-kompożizzjoni tal-kampjonati rispettivi għall-istaġun li ġej.

Share With: