“Konferma ta’ żbalji” … issa saret proposta ta’ trattat internazzjonali

Minn Victor Vella

Fl-aħħar ġimgħat, l-aħbarijiet kienu bbumbardjati dwar it-tilqim kontra l-Covid19.  Fid-dinja tal-punent, bdejna nisimgħu bir-rata ta’ tilqim li kienet għaddejja. Spiss imma tingħata stampa selettiva u żbilanċjata minn naħa tal-Unjoni Ewropea u dan għax fejn tidħol it-tilqima rajna Unjoni Ewropea taġixxi b’mod kajman ħafna u mbagħad terġa’ tiżbalja b’mod qawwi fuq kif innegozjat mal-Astra Zeneca.  Għandna sitwazzjoni fejn waqt li l-pajjiżi sinjuri jiffukaw fuq kemm taw tilqim, u pajjiżi bħal Iżrael diġa bdew jiftħu l-ekonomija għax laqqmu aktar min nofs il-popolazzjoni, tinħeba ir-realtà li f’ħafna pajjiżi Afrikani għad lanqas hemm pjan ta’ meta se jibdew ilaqqmu. Ir-realtà hi dik li waqt li fil-pajjiżi Ewropej qed jaħsbu li sa l-aħħar tas-sajf ikun laħqu is-70 fil-mija tal-popolazzjoni li tkun tlaqqmet, f’pajjiżi fqar bħal Afrika hu previst li dan ma jintlaħaqx qabel nofs is-sena 2022. Illum hu fatt ċert li aktar ma jkun hemm dewmien biex isir it-tilqim u aktar ma jdum ma jintlaħaq is-70 fil-mija tal-popolazzjoni, ikun ifisser li ħadd fid-dinja mhu sigur. Quddiem dan, u wara xhur sħaħ bil-pajjiżi sinjuri f’tellieqa u fi gwerra bejniethom fuq it-tilqim, issa qed jippoponu trattat internazzjonali marbut mat-tilqim u l-faċilità tiegħu u dan għal pandemiji futuri.

Osservaturi li kkummentaw ma’ L-ORIZZONT qalu li “l-proposta ta’ trattat internazzjonali hi ammissjoni tal-iżbalji kbar li saru. Żbalji li fihom rajna in-nazzjonaliżmu għat-tilqim jispikka. Il-pajjiżi sinjuri, għax jistgħu, ħadu il-parti l-kbira tat-tilqim għalihom u ħadu ferm aktar minn kemm kellhom popolazzjoni.   L-esperti imbagħad bdew jgħidulhom  li għal Covid19 m’hemmx soluzzjoni nazzjonali imma soluzzjoni dinjija. Jiġifieri jkun aħjar li t-tilqim ikun mifrux mad-dinja u mhux fil-pajjiżi sinjuri biss.  Minn hawn imbagħad rajna l-gwerra bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea dwar l-Astra Zeneca, xpunata mill-kuntratti li saru, fejn dawk Ingliżi kienu ferm aktar aggressivi”.

Sitwazzjoni inkwetanti fl-Afrika

Is-sitwazzjoni fl-Afrika fejn jidħol it-tilqim baqgħet waħda inkwetanti. Kontinent li hu stmat li għandu 1.3 biljun persuna, għandna sitwazzjoni fejn huma biss 28 pajjiż minn 54 pajjiż li irċevew ammont ta’ tilqim, f’xi każi dawn huma ukoll baxxi ħafna. Filfatt dawn il-pajjiżi irċevew 16-il miljun tilqima, li huma ammont baxx ħafna. 

L-aktar pajjiżi li rċevew tilqim sa issa u dan permezz tal-programm Covax, huma n-Nigerja li rċevew 3.92 miljun tilqim, l-Etjopja li rċevew 2.2 miljun, ir-Repubblika tal-Kongo li ħadu 1.72 miljun tilqim, il-Kenja b’miljun tilqima u warajhom l-Uganda b’864,000 tilqima.  Pajjiżi bħal Eritrea, il-Burundi u t-Tanzanija ma’ rċevew ebda tilqim. Proprju fl-aħħar jiem għadu kif tħabbar li Johnson & Johnson ftehmet li tissupplixxi lill-kontinent Afrikan b’400 miljun doża fis-sena 2022.

Fl-Asja affettwati ukoll…hekk kif l-Indja ssospendiet l-esportazzjoni tat-tilqima

Intant fl-Asja is-sitwazzjoni fejn tirrigwarda it-tilqima ukoll ikkomplikat ruħha u dan minħabba li l-Indja waqqfet l-esportazzjoni tat-tilqima Astra Zeneca.  Dan il-fatt wassal biex ħafna pajjiżi Asjatiċi ġew affettwati u issa mhux se jirċievu tilqim daqs kem kienu ippjanaw. L-Indja hi wieħed mill-akbar prodotturi tat-tilqim. L-Indja issospendiet l-esportazzjoni minħabba żieda fid-domanda domestika għat-tilqim. Is-Serum Institute fl-Indja kellu jagħti 90 miljun tilqim lill-programm Covax f’Marzu u April.  Issa qed isir magħruf li pajjiżi bħal Filippini, il-Vjetnam u l-Korea ta’ Isfel se jkollhom tnaqqis fil-povvisti, b’dik tal-Korea t’Isfel tonqos minn 690,000 għal 432,000 tilqima. Il-provvisti tat-tilqim għal Vjetnam tnaqqsu b’40 fil-mija.  L-Indoneżja ħabbet li 10.3 miljun tilqim se jittardjat u se jaslu f’Mejju. 

Il-gwerra fuq l-Astra Zeneca mill-Unjoni Ewropea

It-tilqima Astra Zeneca wasslet ukoll għal kunflitt mill-aktar ċar bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Kunflitt li wera falliment ieħor tal-Unjoni Ewropea f’dak li hu negozjar. Hu ċar li l-kwistjoni kollha bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit kienet kwistjoni ta’ kif saru l-kuntratti. M’hemmx dubju u dan joħroġ mir-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea, li l-ftehim tar-Renju Unit kif ħafna aktar sigur u b’saħħtu fejn jidħlu l-provvisti ta’ tilqim u dan juri Renju Unit li kien aggressiv ferm aktar mill-Unjoni Ewropea. 

Il-gwerra bejn l-Unjoni Ewroea u r-Renju Unit fuq din it-tilqima, urietna li minkejja li ninsabu f’pandemija fejn il-koperazzjoni bejn il-pajjiżi hi importanti biex tiġi miġġieldu l-pandemija, dan ma seħħx. Tant hu hekk li l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit spiċċaw fi gwerra fil-miftuħ fuq l-Astra Zeneca.

Spikka in-nazzjonaliżmu fuq it-tilqim bir-Renju Unit tinsisti li hi tiġi l-ewwel fejn tidħol l-Astra Zeneca. Pascal Soriot, il-kap tal-kumpanija farmaċewtika li għamlitha, ukoll insista li r-Renju Unit jiġi l-ewwel  u dan minħabba l-kuntratt ta’ 100 miljun doża li kienu għamlu u li sar ferm qabel l-Unjoni Ewropea.

Għall-bidu l-Unjoni Ewropea ħadet atteġġjament differenti, u tilqim prodott fl-Unjoni Ewropea kemm tal-Astra Zeneca u anke Pfizer beda jmur għand pajizi oħra fosthom 9 miljuni lejn ir-Renju Unit, 3.9 miljuni l-Kanada, 3.1 miljun l-Messiku u 2.7 miljun l-Ġappun.

Imma issa quddiem in-nazzjonaliżmu għat-tilqim kemm mir-Renju Unit u anke mill-Istati Uniti, u anke minħabba li t-tilqim fl-Unjoni Ewropea miexi bil-mod, l-istess Unjoni Ewropea qed tibdel il-pożizzjoni tagħha. Illum hi qed thedded li twaqqaf l-esportazzjoni. 

Trattat internazzjonali dwar il-pandemiji

Proprju  fl-aħħar jiem 23 pajjiż flimkien mal-Organizazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) appoġġjat il-ħsieb li jinħolaq trattat internazzjonali li jgħin lid-dinja titratta emerġenzi fis-saħħa bħal dik li qed nesperjenzaw bħalissa.  Waħda mill-ideat hu li jkun hemm aċċess indaqs għat-tilqim u mediċini. Dan it-trattat għandu l-appoġġ ta’ Fiji, Portugal, Rumanija, ir-Renju Unit, Rwanda, Kenja, Franza, Ġermanja, il-Greċja, Korea t’Isfel, iċ-Ċili, Kosta Rica, Albanija, Afrika t’Isfel, Trinidad, l-Olana, it-Tuneżija, is-Senegral, Spanja, in-Norveġja, is-Serbja, l-Indoneżja u l-Ukrajna.

Intqal li l-pandemija tal-COVID-19 hija sfida globali. L-ebda gvern jew istituzzjoni ma jistgħu jindirizzaw it-theddida ta’ pandemiji futuri waħedhom.

Trattat huwa strument legalment vinkolanti skont id-dritt internazzjonali. Trattat internazzjonali dwar il-pandemiji adottat taħt l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jippermetti lill-pajjiżi madwar id-dinja jsaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali, reġjonali u globali kif ukoll ir-reżiljenza għal pandemiji futuri.

Il-proposta għal trattat hija ggwidata minn spirtu ta’ solidarjetà kollettiva, ankrat fil-prinċipji ta’ ġustizzja, inklużività u trasparenza.

La l-gvernijiet individwali u lanqas il-komunità globali ma jistgħu jipprevjenu kompletament il-pandemiji. Iżda l-komunità internazzjonali jeħtieġ li tkun ippreparata ferm aħjar u allinjata aħjar biex tirreaġixxi għal pandemiji futuri possibbli fiċ-ċiklu kollu ta’ detezzjoni, allarm u rispons.

It-trattat jistabbilixxi l-objettivi u l-prinċipji fundamentali sabiex tiġi strutturata l-azzjoni kollettiva meħtieġa għall-ġlieda kontra l-pandemiji.

Trattat internazzjonali dwar il-pandemiji jappoġġa u jiffoka fuq:

  • detezzjoni bikrija u prevenzjoni ta’ pandemiji
  • reżiljenza għal pandemiji futuri
  • rispons għal kwalunkwe pandemija futura, b’mod partikolari billi jiġi żgurat aċċess universali u ekwu għal soluzzjonijiet mediċi, bħal vaċċini, mediċini u dijanjostika
  • qafas internazzjonali tas-saħħa aktar b’saħħtu mad-WHO bħala l-awtorità ta’ koordinazzjoni dwar kwistjonijiet globali ta’ saħħa
  • l-approċċ “Saħħa Waħda”, li jorbot is-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali u tal-pjaneta tagħna

B’mod aktar speċifiku, trattat bħal dan jista’ jtejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma ta’ prijorità li ġejjin:

L-inugwaljanzi fl-aċċess għall-vaċċini, il-mediċini u t-terapewtika jheddu li jtawlu l-pandemiji u li jħallu effett aktar serju fuq il-ħajja u s-saħħa tal-bniedem kif ukoll fuq is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna.

It-trattat jislet tagħlimiet ibbażati fuq l-esperjenza tal-Aċċelleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID19 (ACT-A), COVAX u strumenti kollettivi oħra żviluppati minn mindu bdiet il-pandemija tal-COVID19, sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet globali b’mod aktar ekwu f’pandemiji futuri.

Share With: