Kevin De Bruyne iġedded il-kuntratt ma’ Manchester City sal-2025

Il-midfielder ta’ Manchester City, Kevin De Bruyne, iffirma estensjoni tal-kuntratt ta’ sentejn biex b’hekk se jibqa’ mas-Citizens sal-2025.

L-internazzjonali Belġjan, li l-ftehim eżistenti tiegħu kellu jiskadi fl-2023, jagħlaq 30 sena f’Ġunju u issa jidher li se jara l-parti l-kbira tal-bqija tal-karriera tiegħu fl-Etihad Stadium.

De Bruyne kellu esperjenza mill-aqwa ma’ Man City sa minn meta ngħaqad mal-club mingħand Wolfsburg fl-2015, u rebaħ seba’ trofej maġġuri, li jistgħu jsiru 11 sal-aħħar tal-istaġun jekk Man City jiksbu l-Quadruple Crown.

Madankollu, huwa jqis li l-aqwa żmien kemm għalih kif ukoll għall-club immexxi minn Pep Guardiola għad irid jiġi.

“Ma nistax inkun iktar ferħan. Sa minn meta ngħaqadt ma’ Man City fl-2015, dejjem ħassejtni ġewwa dari,” huwa qal. “Inħobb il-partitarji, il-familja tiegħi hija stabbilita hawn f’Manchester u l-logħba tiegħi stess żviluppat tajjeb ħafna.

“Dan il-club tal-football huwa mmirat għas-suċċess. Joffrili dak kollu li għandi bżonn biex nimmassimizza l-prestazzjoni tiegħi, allura l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt kienet deċiżjoni ċara. Qed nilgħab l-aħjar football tal-karriera tiegħi u onestament inħoss li għad fadalli fejn nitjieb.”

“Jien u Pep naraw il-football bl-istess mod. Li jkolli dik ir-relazzjoni ma’ manager huwa importanti għalija għax l-objettivi tagħna huma totalment l-istess.”

“L-emfażi tiegħi issa hija li niżgura li jkollna tmiem b’suċċess għall-istaġun attwali. Ir-riżultati u l-wirjiet tagħna s’issa kienu eċċellenti, iżda rridu niżguraw li nispiċċaw l-istaġun bl-unuri li ħaqqna.”

Share With: