“Kemm kienet iebsa…għamilt ġimgħa intubat… Kont kważi tlaqt…fl-aħħar ċans qomt”

Minn – VICTOR VELLA

Kien kwazi xahar ta’ qtigħ il-qalb minn l-aħħar ta’ Frar sa kważi l-aħħar ta’ Marzu għal min jaf lil Daniele. Marad bil-Covid19 u meta ddaħħal l-isptar għadda ritratt lil ħbieb tiegħu fuq il-midja soċjali. Għadda ikoll messaġġ.  Imma qatt m’għaddielu minn moħħu li għal xahar sħiħ dak kien se jkun l-aħħar messaġġ.  Il-Covid19 ma ħallitux minkejja t-trattamenti li beda jingħata u kellu jiġi intubat.  Ġimgħa sħiħa f’din is-sitwazzjoni. Prattikament sitwazzjoni fejn in-nifs isir privileġġ. Tiddependi mill-magna li tkun fuqha. Minkejja dan, baqa’ ma rkuprax.   L-aħħar ċans kienet li ssir ‘trachaeotomy’. Meta kulħadd beda jaqta qalbu, Daniele jerġa’ jiġi f’tiegħu.

Jiem li fihom ħbiebu u qraba kienu l-ħin kollu jistaqsu għalih. Il-ħbieb kienu ta’ kuljum jidħlu fis-sit soċjali tiegħu. Kien jistennew li kif titla’ l-paġna jaraw il-messaġġ ġdid tiegħu. Għal xahar sħiħ kien hemm biss silenzju. Silenzju li mingħajr ħadd ma kien jgħidlek kont taf li Daniele kien qed jilgħabha bejn ħajja u mewt. Aktar m’għadda żmien aktar wieħed stenna li Daniele mhux jikteb li qed jirkupra imma nisimgħu dak li ma ridniex.

U kien propju fil-25 jum mindu kiteb messaġġ, li Daniele jħabbar li irkupra. Li ġie f’tiegħu. Li qam wara jiem mitlub minn sensieh.

Daniele ma jonqosx li jikkummenta dwar dak li għadda minnu għax iridu li ħaddieħor jitgġallem minn din l-esperjenza. “Fl-aħħar irkuprat”, kien l-ewwel kumment tiegħu.

“Naħseb li xi ħadd hemm fuq (b’riferenza lejn is-sema) bagħtni lura. Ma jridunix hemm għalissa. Kemm kienet iebsa. Kont intubat għal aktar minn ġimgħa u hekk kif il-kundizzjoni tiegħi marret għall-agħar, kellhom jagħmluli ‘tracheotomy’. Din hi fetħa fil-gerżuma biex idaħħlu pajp minnha.  Wara sirt naf li dan kien l-aħħar ċans għalija. Fl-aħħar qomt.  Wara ftit jiem ħriġt mill-kura intensiva”, jikkummenta Daniele.

Twelidt mill-ġdid

Jenfasizza li “minn hemm intbgħatt f’sala u bdejt nirkupra bil-mod il-mod. Issa qiegħed id-dar u qed inkompli bl-irkupru. Ma nistax ma nirringrazzjax lill-istaff tal-isptar li tgħidx kemm ferħu meta ‘qomt’. Ma nistax ma nirringrazzjax lil dawk li appoġġjawni u talbu għalija.”

Fi kliem Daniele, “jien qbadt ma kull ma ġie quddiem. Irnexxieli ngħaddiha.  Jiddispjaċini li xi pazjenti oħra fl-istess ward tiegħi ma kellhomx l-istess xorti. Kienu inqas fortunati minni”. 

“Nagħmel ringrazzjament speċjali lil ħija. Kien hu li sejjaħ għal ambulanza fil-ħin propizju u salvali ħajti.”

Daniele jgħid li “issa inħossni twelidt mill-ġdid.  Inħoss li dan hu it-tieni ċans tiegħi. Kien żmien li fih tlift xejn inqas minn 15-il kilo. Nirringrazzja l-Alla li ninsab mill-ġdid fuq saqajja”, jiddikjara Daniele.

“Inħoss li l-futur jibda llum”, itemm għid Daniele.

Share With: