“Kellna każ ta’ tifel fejn ħadd ma ried jirreġistrah… la ommu u lanqas missieru” – il-Ministru Michael Falzon

Hu normali li meta titwieled tarbija din tkun reġistrata. Anki fejn ikun hemm problemi bejn il-ġenituri meta jsir it-twelid hu normali li dan fi żmien qasir ikun reġistrat.

Biss, qed jirriżulta li f’pajjiżna kien hawn każ ta’ tifel fejn ħadd ma ried jirreġistrah. La ommu u lanqas missieru.

Tkellem dwar dan il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon u qal li “dan it-tifel għalaq sentejn mhux reġistrat. Għal grazzja t’Alla solvejna dan il-każ u fl-aħħar kien irreġistrat”.

Hu qal dan waqt li għalaq id-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar il-protezzjoni tal-minuri. Tenna li ‘fil-qrati hemm nuqqas ta’ sensittività. Ma jistax ikollox każ fejn manteniment mhux jitħallas u tiddiferixxi għal xhur wara. Biex se tgħix dik il-persuna”, sostna l-Ministru Falzon.

Share With: