Kaċċatur mixli li spara fuq tajra protetta

Il-kaċċatur Jimmy Muscat, ta’ 44 sena mill-Mellieħa, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq fil-Qorti mixli li spara fuq tajra protetta.

L-Ispettur Elliott Magro spjega lill-Maġistrat Natasha Galia Sciberras kif ilbieraħ, għall-ħabta tal-11.00 a.m., il-Pulizija rċeviet rapport li raġel kien qiegħd jispara fuq kuċċarda fil-Miżieb. 

Huwa qal li l-Pulizija marru fuq il-post fejn raw lill-imputat jidħol fil-vann tiegħu u jpoġġi xi ħaġa fil-bwiet tal-ġakketta. Qal li taħt is-seat tal-karozza nstab l-għasfur mejjet u fil-but tal-imputat kien hemm xi rix tat-tajra.

Minn tfittxija li saret fir-residenza tal-imputat u ta’ missieru, instabu ammont ta’ tajr ibbalzmat flimkien ma’ numru ta’ snieter. 

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, liema talba ġiet milqugħa fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Huwa kien ordnat biex imur joqgħod f’residenza oħra sakemm isiru verifiki neċessarji fuq l-għasafar ibbalzmati.

L-Avukat Simon Micallef Stafrace deher għal Muscat.

Share With: