Jużaw lil Simon Busuttil biex iżidu l-kontroll fuq Grech

Bernard Grech skomdu u ma jista’ jagħmel xejn u meta mistoqsi qal: “Staqsu lilu” 

Il-grupp li fil-Partit Nazzjonalista li  jsejjaħ lilu nnifsu bħala ‘blue heroes’ allegatament qed juża lill-eks Kap Simon Busuttil biex ikompli jżid il-kontroll fuq Bernard Grech, il-Kap preżenti tal-Partit Nazzjonalista. 

Grech huwa l-magħżul ta’ din il-fazzjoni u kemm ilu fit-tmexxija ħa ħsieb li kemm jista’ jkun ma jurtax lid-deputati li jagħmlu parti minn dan il-grupp. Iżda, il-preżenza ta’ Simon Busuttil fuq quddiem nett tal-Partit Nazzjonalista qed tkun skomda għax din fid-deher tkompli timmina r-relevanza tiegħu. Dan speċjalment f’mument fejn stħarriġ tal-opinjoni pubblika wara ieħor qed juru li n-nies għadhom mhux iħarsu lejh biex imexxi l-pajjiż.  

Bħalissa Simon Busuttil qed jikkordina dehriet kontinwi fil-midja. Minn artikli fuq it-Times of Malta għal intervisti kontinwi fuq portals. Saħansitra lbieraħ filgħaxija Simon Busuttil deher fuq il-programm l-Erbgħa Fost il-Ġimgħa. 

Il-manuvri ta’ Simon Busuttil għokru għajnejn il-ġurnalisti u meta mistoqsi dwar din l-insistenza ta’ Busuttil u jekk hux se jerġa’ joħroġ, Bernard Grech qal biss: “staqsu lilu.” 

Sorsi fil-grupp Parlamentari Nazzjonalista spjegaw kif għal Bernard Grech din hi sitwazzjoni frustranti għax bl-allegat rikatt li kien sarlu pubblikament minn Manuel Delia hu diġa’ kellu l-awtorità tiegħu mminata. Meta laħaq Manuel Delia kien qallu “Ok Sir, here’s your chance. You said you wanted to do good, now let’s see you do it. Don’t fuck it up or we will have to look for someone else.” 

Il-preżenza ta’ Simon Busuttil tkompli żżidlu mal-pressjoni li diġa’ teżisti. 

Saħansitra fl-aħħar jiem kien kostrett jgħid li biex xi ħadd li ġġieled ma’ din il-fazzjoni jidħol lura fil-Partit Nazzjonalista jrid ikun rijabilitat. Dikjarazzjoni li waslet biex iffaċċja kritika qawwija li sostnew kif għandu jkun il-Partit Nazzjonalista li jirrijabilita lilu nnifsu u mhux min telaq għax ħass li l-partit naqas. Minkejja dan din id-dikjarazzjoni kien kostrett jgħamilha għax għamluhielu ċara li ma jistax jitfa’ t-tort għal dak li ġara qabel fuq min kien qed imexxi l-Partit Nazzjonalista.

Share With: