Jum il-Ħelsien

Jum il-Ħelsien kien jum importanti għal Malta għaliex il-poplu Malti ta’ dak iż-żmien konna kkommettejna ruħna li nkunu indipendenti mhux biss politikament iżda wkoll ekonomikament.  Kien pass diffiċli meta tqis li Malta m’għandhiex riżorsi ħlief in-nies.  Dan barra d-diffikultajiet oħra li kellna. 

Id-diffikultajiet kienu kbar u għalhekk l-isfida kienet kbira.  Wieħed irid iqis li sas-sittinijiet l-ekonomija Maltija kienet dipendenti mis-Servizzi Ingliżi.  L-ekonomija Maltija tista’ tgħid twieldet fil-ħamsinijiet għaliex qabel l-Ingliżi qatt ma kellhom interess li jibnu ekonomija Maltija għaliex riedu li Malta tibqa’ fortizza biss.  Ħaġa li ftit jagħtu kas hi li kien il-Gvern Laburista tal-ħamsinijiet li beda l-edukazzjoni teknika f’Malta.  Qabel l-unika post fejn int kont tista’ tieħi edukazzjoni teknika kienet id-Drydocks bħala apprentist.  

Din kienet xi ħaġa importanti għaliex hemm fetħet il-bibien għal oqsma tekniċi oħra.  Kienet mossa importanti għaliex hemm bdejna nibnu l-bażi biex ikollna nies li jistgħu jaħdmu u jħaddmu l-industriji. 

Kien għalhekk Jum ta’ kuraġġ, Jum ta’ sfida iżda kien ukoll Jum fejn il-poplu Malti permezz tal-gvern tiegħu wera fiduċja fih innifsu.  Ma kinitx xi ħaġa faċli speċjalment minħabba li tista’ tgħid minn dejjem konna kolonja ta’ xi ħadd u l-mentalita’ ta’ ħafna speċjalment fil-qasam tan-negozji kienet waħda li toqgħod fi struttura ta’ Fortizza.  Kien għalhekk li n-negozjanti Maltin kienu bbażati tista’ tgħid biss fuq l-importazzjoni.

Ir-riżultat kien li tista’ tgħid kważi l-ħaddiema Maltin kienu jaħdmu jew mas-Servizzi jew mal-Gvern.  Kienet għalhekk mossa ta’ kuraġġ li l-poplu Malti ħa dan il-pass. 

Din ma kinitx l-unika problema għaliex l-Ewropa, minħabba il-pożizzjoni tagħna ta’ newtralita’, il-maġġoranza tagħha kienet kontra Malta.  Mhux hemm biss, għaliex kien hemm ħafna pajjiżi tal-Punent li ħadmu kemm felħu biex jitneħħa l-Gvern Laburista.  

Biss il-Gvern Laburista ma ħax dan il-pass bl-addoċċ għaliex kien jaf x’irid jagħmel.  U dan konna rajnieh fit-tmenijiet, l-għada ta’ Jum il-Ħelsien, li rajna l-industrija f’Malta tibda u tieħu qabża ‘l fuq.  Kien dan iż-żmien li rajna wkoll lin-nisa tagħna jibdew isibu ruħhom fil-qasam industrijali mhux bħala ħassiela jew servjenti, iżda bħala ħaddiema industrijali.  Kien f’dan iż-żmien ukoll li bdejna naraw il-Maltin jiżviluppaw bħala industrijalisti.  

Li kieku ma kienx dan il-pass kuraġġjuż u bqajna mexjin bħal qabel, ix-xena industrijali u l-ekonomija li għandna llum kienet tkun biss fil-moħħ ta’ numru żgħir tan-nies li kienu jkunu dissidenti bħal ma kienu Mikiel Anton Vassalli u Manwel Dimech.

Iż-żmien għadda u llum minkejja li rnexxielna niżviluppaw il-qasam ekonomiku, morna lura fil-qasam ta’ indipendenza politika nazzjonali.  

Meta dħalna fl-UE, għalija u għal ħafna bħali li jiftakru iż-żminijiet tas-sebgħin u t-tmenin, kien pass lura għaliex din ma kienet xejn għajr integration, l-aktar integration politika.  Tant hu hekk li anki l-Kostituzzjoni tagħna hi soġġetta għal dak li tiddeċiedi l-UE.  

Iżda l-akbar problema hi li l-aktar nies influwenti fl-UE għad għandhom mentalita’ imperjalista.  Għadhom jemmnu li huma ġew maħluqin biex imexxu, mhux biss lil pajjiżhom, iżda wkoll lid-dinja kif iridu huma.  

Hu għalhekk li kull meta Malta timxi ħafna ‘l quddiem iqumu l-irwiefen Ewropej mgħejjuna mit-tradituri Maltin.  Hawn mhux biss lanqas iqisu li għandna dritt niddeċiedu aħna ‘l futur ta’ pajjiżna, iżda lanqas biss juru rispett.  Dan narawh mit-tgħajjir li Malta taqla’ mingħand l-Ewropej imperjalisti.  Malta lanqas qatt ma kienet daqshekk insultata.  Lanqas meta konna kolonja għax ċertu rispett lejn pajjiżna dejjem kien hemm.  Illum morna l-estrem l-ieħor fejn mhux biss ġejna marbuta politikament, iżda wkoll ikollna niffaċċjaw mhux biss ħidma kontra tagħna, iżda wkoll insulti.

Hu għalhekk li Jum il-Ħelsien għalina hu daqshekk importanti għaliex kien dak iż-żmien li aħna stajna ngħidu li aħna ħielsa mill-imperjalisti u stajna nfasslu l-futur tagħna kif inhu l-aħjar għal pajjiżna. 

Share With: