Jum Dinji tal-Awtiżmu 2021: Nirrispettaw id-Diversità – Inħarsu l-Ugwaljanza

Illum Malta tingħaqad mal-komunità internazzjonali fiċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tal-Awtiżmu. Dan wara r-Riżoluzzjoni 62/139 tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda adottata fl-2007.

Fl-isfond tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Awtiżmu li tnediet nhar it-Tlieta mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, pajjiżna rċieva kliem ta’ tifħir miż-żewġ organizzazzjonijiet Ewropej fil-qasam tal-awtiżmu.

Heta Pukki, President tal-EUCAP (European Council of Autistic People), l-organizzazzjoni Ewropea tal-NGOs immexxija mill-persuni awtistiċi rrimarkat li, filwaqt li diversi pajjiżi oħra għandhom strateġiji dwar l-awtiżmu, dik Maltija kienet pjuttost unika. Semmiet kif ħafna organizzazzjonijiet membri tal-EUCAP qed isegwu b’interess il-progress f’Malta u l-mod ta’ kif din l-istrateġija se tkun qed tiġi implimentata fis-snin li ġejjin, filwaqt li jittamaw li jkunu jistgħu jidduplikaw ħafna minn dawn l-aspetti fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

Il-President Pukki faħħret il-livell ta’ impenn sabiex ġew ikkonsultati l-partijiet interessati fit-tħejjija tal-Istrateġija, in-natura prattika u konkreta tal-Azzjonijiet, kif ukoll ir-rwol ċentrali kontinwu li se jkollhom persuni bl-awtiżmu fl-implimentazzjoni tagħha.

Aurélie Baranger, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Autism-Europe, l-organizzazzjoni Ewropea li tlaqqa’ flimkien NGOs Ewropej differenti mmexxija mill-ġenituri, qalet li matul dawn l-aħħar snin, Malta kienet minn ta’ quddiem fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni bl-awtiżmu fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Issa dan l-impenn kien qed jiġi rifless permezz tal-adozzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Awtiżmu. Hija rrimarkat kif, permezz tal-Istrateġija, kien żgurat li l-ħtiġijiet ta’ dawn il-persuni jkunu indirizzati b’mod adegwat tul ħajjithom kollha, u li l-vuċijiet tagħhom jinstemgħu. Innutat b’sodisfazzjon kif ix-xogħol kien imfassal f’ko-produzzjoni sħiħa ma’ nies bl-awtiżmu, biex b’hekk it-tħassib tagħhom ikun rifless f’dan id-dokument.

Hija semmiet kif dan kien pass importanti biex jiġi garantit li s-soċjetà tkun aktar inklussiva tan-newrodiversità, u wkoll li l-persuni bl-awtiżmu jkunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom f’konformità mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

Fi kliem il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, bit-tnedija ta’ din l-Istrateġija, “verament qed inpoġġu s-sisien deskritti fl-Att tal-2016 dwar l-Empowerment ta’ Persuni fuq il-Firxa Wiesgħa ta’ Awtiżmu. Irridu nkunu żguri li l-persuni fuq il-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu u l-familji tagħhom ikunu aċċettati u inklużi fis-soċjetà Maltija, u fuq kollox, ikunu emanċipati sabiex jieħdu posthom bħala membri indaqs tal-komunità.”

Sadanittant, it-tnedija ta’ din il-konsultazzjoni pubblika fis-settur tal-awtiżmu rat rispons inkoraġġanti ħafna, hekk kif f’temp ta’ tliet ijiem daħlu aktar minn 70 kontribuzzjoni.

Il-pubbliku għandu ċans sat-Tlieta 20 ta’ April biex jagħti l-fehmiet tiegħu dwar din il-konsultazzjoni pubblika.

Id-dokument intitolat ‘Nirrispettaw id-Diversità – Inħarsu l-Ugwaljanza’ huwa aċċessibbli  mis-sit:

https://meae.gov.mt/mt/Public_Consultations/MISW/Pages/Consultations/LIstrategijaNazzjonalitalAwtizmutaMaltaghall20212030.aspx.
Share With: