Jaqta’ xewqtu li “jiddaħħal” fil-Pulizija wara xhur jiġġieled il-kanċer

Tifel ta’ ħames snin bil-kanċer rnexxielu jaqta’ xewqtu wara li “ddaħħal” pulizija f’għeluq sninu. Jeremiah Valera ilu aktar minn sena jissielet kontra l-kanċer li kompla jinfirixlu ma’ ġismu kollu.

Meta d-Dipartiment tal-Pulizija f’Miami waslitlu informazzjoni li kienet l-akbar ħolma li kellu li jissieħeb fil-korp, intervjenew biex jgħinuh mingħajr l-ebda ħela ta’ żmien.

F’ċerimonja speċjali huma ħatruh bħala l-iżgħar uffiċjal fl-istorja tal-Pulizija u saħansitra ħaduh dawra b’waħda mill-vetturi tagħhom u ħallewh jirkeb ukoll wieħed miż-żwiemel tal-kavallerija.

Omm iċ-ċkejken; Daniela Isaza minn Florida, qalet li kienet eċitata mmens għax kienet hi biss li kienet taf x’se jiġri u li kienet ta’ sorpriża kbira għall-kumplament tal-persuni qrib binha.

Testijiet riċenti juru li fortunatament m’għad hemm l-ebda traċċa tal-marda f’ġisem iċ-ċkejken, iżda se jkun qiegħed jitpoġġa għal aktar testijiet sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm sorpriżi fil-futur.

L-omm qalet li minħabba l-Covid-19 kien ilhom xhur sħaħ f’iżolament u li fl-aħħar setgħu jissoċjalizzaw b’dan il-mod kienet xi ħaġa speċjali mmens u m’hemmx kliem biex tiddeskrivi l-emozzjoni f’wiċċ it-tifel.

Share With: